Fl-2021 b’kollox ġew mislufa 621,202 ktieb mill-libreriji pubbliċi Maltin. Żieda ta’ 0.5% jew 3,382 ktieb misluf fuq l-2020.
Dan deher ċar f’ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hekk kif intqal li meta mqabbel mal-2021, il-libreriji pubbliċi f’Għawdex u fin-Nofsinhar ta’ Malta rreġistraw l-akbar żidiet f’self ta’ kotba.
Dan hekk kif f’Għawdex kien hemm żieda ta’ kważi 23% filwaqt li fin-nofsinhar ta’ Malta kien hemm żieda ta’ kważi 10% f’self ta’ kotba.
F’Għawdex, il-librerija pubblika tar-Rabat, laħqet 77.4% tas-self li kien hemm fl-2019, jiġifieri qabel il-pandemija, filwaqt li dik tan-Nadur laħqet self ta’ 68.2% meta mqabbel ma’ tliet snin ilu.
Intant f’Malta, l-NSO jinnota kif il-librerija reġjonali pubblika ta’ Ħal Luqa rreġistrat l-akbar żieda f’self ta’ kotba meta mqabbel mal-bqija tal-libreriji fin-Nofsinhar tal-pajjiż. Hawn intlaħaq 80.1% tas-self li kien hemm qabel il-pandemija fl-2019.
Għat-tieni sena konsekuttiva, il-librerija ta’ Santa Luċija rreġistrat tnaqqis fis-self tal-kotba hekk kif laħqet biss 40.4% tas-self li kien hemm fl-2019.
L-istess jista’ jingħad għal-libreriji pubbliċi fit-Tramuntana tal-pajjiż hekk kif fil-librerija pubblika ta’ Ħal Qormi ntlaħaq biss 22.1% tas-self li sar fl-2019. Anke fil-librerija pubblika ta’ Birkirkara s-self naqas bi 12.8% sena fuq sena sabiex intlaħaq biss 42.4% tas-self li kien hemm fis-sena ta’ qabel il-pandemija.
F’dak li għandhom x’jaqsmu membri ġodda li ngħaqdu mal-librerija pubbliċi Maltin, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jinnota kif fl-2021 dawn ammontaw għal 3,435. Tnaqqis ta’ 39.1% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Anke l-membri li għandhom inqas minn 18-il sena naqsu minn kważi 67% għal ftit aktar minn 52%.