Wara li kważi għaddiet sena minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tal-kera, saru tlieta u tletin elf u ħames mitt reġistrazzjoni tal-kuntratti tal-kera.
Ma’ dan l-istazzjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, spjega kif permezz ta’ statistika tas-suq tal-kera illum hemm iżjed trasparenza fuq dan is-settur u stampa iżjed ċara.
Huwa spjega: “Sena ilu ma kellniex u ma konniex nafu l-istatistika fuq is-suq tal-kera. Illum, sena wara, għandna iktar minn tlieta u tletin elf reġistrazzjoni li hija ekwivalenti għal kważi mitt kuntratt kuljum illi ħafna minnhom, il-maġġoranza assoluta iktar minn tletin elf huma kuntratti reġistrati ta’ sena jew aktar.”
McKay semma l-lokalitajiet fejn l-iżjed jinsabu dawn il-kirjiet: “Deher ċar illi għandek ħafna u ħafna kirjiet fit-Tramuntana tal-pajjiż, partikolarment fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar kif ukoll f’lokalitajiet ta’ San Ġiljan, Sliema, Imsida u Gżira. Dawn huma l-iktar lokalitajiet li fihom kien hemm kuntratti reġistrati mal-Awtorità tad-Djar.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar tkellem ukoll dwar it-tribunal tal-Awtorità li jsolvi ċertu tilwim li jqum bejn l-inkwilin u s-sid tal-proprjetà.
Spjega kif quddiem it-tribunal, il-każijiet ta’ tilwim li daħlu kważi nqatgħu kollha.
McKay sostna: “Sa issa għandna kważi mitt tilwima li ġiet reġistrata mal-Awtorità minn sidien u inkwilini fil-maġġoranza tagħhom diġà minn Mejju li għadda diġà ġew maqtugħa u allura llum qed naraw li wieħed mill-benefiċċji ewlenin ta’ din il-liġi huwa li fejn qabel ma kienx hemm post ħlief il-Qorti sabiex jiġu diskussi dawn it-tilwim, illum għandek l-Awtorità li b’mod spedit u effiċjenti qed taqta’ wkoll dawn it-tilwim.”
McKay ħeġġeġ ukoll lil dawk kollha li kienu għamlu l-kuntratt qabel l-ewwel ta Jannar ta’ din is-sena u li ħa jiskadilhom wara l-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, sabiex jirreġistraw online sal-aħħar ta’ din is-sena.
Min-naħa tiegħu, Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Gales, qal li din l-iskema tal-kiri saret bil-għan li tkompli ttejjeb is-servizz għaċ-ċittadini Maltin kollha.
Il-Ministru Galdes stqarr: “U ma’ dan kollu aħna l-esperjenza tagħna li għallmitna matul din is-sena se nkomplu nimmeljorawha, ħa nkomplu ntejbu anke s-sistema eżistenti marbutin mal-liġijiet tal-kera bil-għan li nagħtu servizz, servizz kemm lill-inkwilini u anke s-sidien jipparteċipaw fi proċess sħiħ marbut ukoll ma’ propjetà li tiġi mikrija fil-pajjiż.”