Is-sena skolastika l-ġdida laqgħat fiha 33,472 student u studenta mifruxin madwar 103 skejjel jew istituzzjoni edukattiva tal-istat.
Sa issa marru lura fuq il-bankijiet tal-iskejjel 27,484 tifel u tifla u mill-ġimgħa d-dieħla se jidħlu 5,988 student u studenta oħra fil-klassijiet tal-kindergarten.
Tul din is-sena skolastika eluf ta’ studenti se jkunu qed jibbenefikaw minn servizzi ta’ trasport bla ħlas. 12,948 se jkunu qed jagħmlu użu minn dan is-servizz.
Dalgħodu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima għamel żjarat fl-iskejjel tal-Iskola Primarja ta’ San Ġwann fil-Kulleġġ ta’ Santa Klara u l-Iskola Sekondarja taż-Żokrija fil-Mosta.
Ma ONE News huwa qal li l-ftuħ ta’ din is-sena skolastika hija waħda b’andament mill-aqwa minħabba l-ħidma u d-diskussjonijiet mal-istakeholders fis-settur edukattiv.
Tkellem ukoll dwar in-numru ta’ servizzi li qed joffri l-gvern lill-istudenti biex itejjeb l-esperjenza edukattiva, fosthom dak tal-Breakfast Club.
Huwa awgura s-sena skolastika mill-aqwa lill-istudenti kollha, filwaqt li rringrazzja lill-edukaturi u l-ħaddiema kollha fis-settur edukattiv għad-dedikazzjoni tagħhom.