Aktar minn tliet mitt appartament mill-privat ġew allokati fl-iskema Nikru biex Nassistu tal-Awtorità tad-Djar, li jfisser li 330 familja li fl-aħħar żmien talbu l-għajnuna, issa għandhom saqaf fuq rashom.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal ukoll li sal-aħħar ta’ din is-sena, se jkunu ġew allokati aktar appartamenti.
Il-Ministru Galdes stqarr: “Sa sentejn oħra se nkunu tellajna dak l-ammont għal 900 appartament biex insaħħu l-istokk ta’ akkomodazzjoni soċjali. Mhux biss qed nibnu 1,700 appartament madwar il-pajjiż, imma krejna mis-settur privat għaliex nemmnu li rridu nindirizzaw mhux biss kwistjonijiet soċjali imma anke nnaqsu l-lista ta’ stennija biex ngħinu kemm jista’ jkun familji.”
Din l-iskema qed tilqa’ proposti minn sidien ta’ djar vojta li jistgħu jikruhom lill-Awtorità għal għaxar snin, biex din mbagħad toffrihom bħala akkomodazzjoni soċjali. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay iddeskriviha bħala opportunità tajba għal dawk kollha li jridu jgħinu fis-soċjal.
Din hija wkoll parti minn sensiela ta’ skemi u proġetti tal-Awtorità biex dejjem tonqos il-lista ta’ stennija ta’ persuni fil-bżonn ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Is-Sur McKay sostna: “Min-naħa tagħna rajna wkoll issa li għandna l-esperjenza f’dan il-qasam u hemm żewġ benefiċċji. Qed tgħinna biex ikun hemm taħlita soċjali għaliex għandna appartamenti minn diversi appartamenti differenti, u fl-istess ħin qed tgħinna biex inġibu appartamenti f’lokalitajiet li bħalissa mhux nibnu fihom. Nikru biex nassistu qed tgħin l-awtorità biex tindirizza b’mod konkret il-lista ta’ stennija tagħha.”
Fl-aħħar ġimgħat tħabbar ukoll li l-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali naqset kważi bin-nofs, fl-istess ħin li l-Gvern xorta nvesta f’binjiet ġodda biex ikun hemm stokk adekwat ta’ akkomodazzjoni soċjali.