Il-Ħadd 11 ta’ Awwissu tal-1991. Bħal-lum 33 sena, kienet il-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun u ONE Radio xandar għall-ewwel darba.
Dakinhar, il-preżentatur u kantant popolari Tony Camilleri f’dik l-għodwa sajfija kien ingħaqad f’kollegament telefoniku mal-Ħamrun, fejn l-ewwel Kap tal-Programmi tal-istazzjon Ray Azzopardi kien xandar dirett iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa Ħamruniza.
Super ONE Radio, kien beda jxandar bi prova minn sena qabel twaqqaf uffiċjalment fuq il-frekwenza ta’ tmienja u tmenin fuq l-FM. Iżda mbagħad bħal-lum tlieta u tletin sena, ir-radju ta’ dan l-istazzjoni il-ġdid, beda jxandar fuq il-frekwanza tnejn u disgħin punt sebgħa fuq l-FM, frekwenza li ONE Radio għadu jxandar fuqha.
Minn dakinhar, ONE Radio beda jxandar erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa u minn hemmhekk kiteb l-istorja u sena wara oħra kiber bħala l-aqwa stazzjon tar-radju f’pajjiżna. Ta’ kuljum, ONE Radio jżomm kumpanija lill-eluf ta’ semmiegħa, dawk minn ġol-karozza, dawk fuq il-post tax-xogħol u dawk li jkunu fi djarhom.
F’dawn l-aħħar tlieta u tletin sena, l-istazzjon ONE bena familja u komunità fost is-semmiegħa leali, li jisimgħuh lejl u nhar. Dan filwaqt li laqa’ fi ħdanu u offra opportunità lil mijiet ta’ kontributuri, fejn serva għalihom tal-ewwel tarġa fid-dinja tax-xandir.
Skeda wara skeda, ONE Radio, ħejja għas-semmiegħa tiegħu programmi mill-aktar varjati, minn dawk mużikali, informattivi, politiċi u interattivi, b’xi ħaġa għall-gosti ta’ kulħadd, għall-familja kollha.
Wara minn fuq ir-radju, ONE fetaħ stazzjon tat-televiżjoni u għandu sehem importanti f’oqsma oħra tal-midja, fosthom dak online.
L-istazzjon ONE mhuwiex biss il-preżentaturi, imma wkoll is-semmiegħa leali, li huma l-qalb tħabbat tal-istazzjon li beda biex jibqa’ man-nies il-ħin kollu.
Xhieda ta’ din hi l-kanzunetta “Nothing Gonna Stop Us Now” tal-grupp Amerikan ‘Starship’ li kienet l-ewwel kanzunetta li ndaqqet fuq ONE Radio bħal-lum tlieta u tletin sena.
Minkejja dawn is-snin kollu, nawguraw lil ONE Radio għal aktar snin ta’ suċċess.