Tlieta u tletin sena ilu, fil-21 ta’ Lulju tal-1990, Malta nħasdet bit-traġedja li seħħet fis-Save-On Supermarket f’Raħal Ġdid, fejn kienu mietu żewġ persuni u ndarbu madwar tletin oħra – fosthom żewġ nisa tqal u tlett itfal.
Il-każ kien seħħ is-Sibt, meta raff kbir b’ħażna ta’ prodotti fuqu, waqa’ fuq in-nies waqt li kienu qed jixtru.
L-intervent ta’ xi nies li kienu għaddejjin minn quddiem il-binja u li waqfu biex jgħinu, għen biex inħarġu xi nies li kienu ġewwa u kienu fi stat ta’ xokk kbir.
Il-Pulizija kienu għamlu operazzjoni ta’ xejn inqas minn erba’ sigħat, biex ħarġu lill-vittmi minn taħt mijiet ta’ prodotti tal-merċa.