Bejn l-elfejn u tmintax u din is-sena, il-Malta Enterprise approvat tlieta u tletin proġett ta’ kumpaniji li jispeċjalizzaw fil-kannabis mediċinali.
Minnhom, diġà hawn sebgħa li qed joperaw u jesportaw il-prodotti tagħhom barra minn xtutna.
Minn informazzjoni li ngħatat fil-Parlament, ħareġ li bejniethom, dawn il-kumpaniji qed jinvestu madwar għoxrin miljun ewro f’investiment dirett barrani waqt li jħaddmu disgħa u sebgħin persuna, il-maġġoranza tagħhom xjentisti u ġejjin mill-qasam mediku u farmaċewtiku.
Hemm ukoll erba’ kumpaniji oħra li ġew approvati u jinsabu fil-proċess li jiksbu liċenzji skont l-Att dwar il-Kannabis għall-Użu Mediċinali.
Il-benefiċċji indiretti ta’ dan l-investiment jinkludu ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità, il-ġenerazzjoni ta’ riċerka u innovazzjoni, u l-iżvilupp kontinwu ta’ servizzi u manifattura ta’ prodotti anċillari.
Pajjiżna kien l-ewwel wieħed fl-Ewropa li ħoloq qafas regolatorju f’dan is-settur bi skop ta’ riċerka fl-elfejn u tmintax, meta approva l-Att bħala parti mill-politika tal-Gvern Laburista biex ikompli jiddiversifika l-ekonomija u jimmassimizza l-potenzjal ta’ negozju u opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità.
Riċerka Ewropea tindika li l-industrija tal-kannabis mediċinali, mistennija jkollha valur ta’ aktar minn ħamsa u ħamsin biljun ewro sa sitt snin oħra.
Biex kumpanija f’dan il-qasam tiftaħ hawn Malta hemm proċess twil u rigoruż li jwassal biex tingħata liċenzja mill-Awtorità Maltija għall-Mediċini, wara l-approvazzjoni mill-Malta Enterprise.
Il-kannabis mediċinali tgħin fil-kura ta’ diversi mard, bħall-epilessija, l-isklerożi multipla, il-fibromajalġja u kundizzjonijiet newroloġiċi oħrajn.