Matul il-ġurnata tat-Tnejn il-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni, bħala parti mix-xogħol regolari tagħha, żammet 33 persuna barranija li ilhom għal dawn l-aħħar snin f’ pajjiżna b’ mod irregolari,iżda għal diversi raġunijiet s’ issa ma setgħux jiġu ritornati lura f’ pajjiżhom.
Saru l-verifiki neċessarji mal-Kummissarju għar-Refuġjati, u jirriżulta li persuna waħda biss minn dawk miżmuma kienet qed tibbenefika minn protezzjoni umanitarja temporanja (nazzjonali), u għaldaqstant din ġiet meħlusa.
Fi stqarrija, l-Ministeru għall-Intern spjega li l-bqija tal-persuni nżammu, fid-dawl ta’ inizjattiva kkordinata fuq livell Ewropew, li se twassal biex fost l-oħrajn, delegazzjoni Afrikana tiġi f’ diversi pajjizi Ewropej, fosthom Malta, u tidentifika lil dawn il-persuni biex wara jiġi deċiż il-pass li jkun imiss. Din l-inizjattiva Ewropea hija waħda li taqa taħt il-European External Action Service. Dan wara li f’Ġunju ta’ din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea identifikat ħames pajjizi bħala prijorita’.
Dawn huma in-Niġer, in-Niġerja, il-Mali, is-Senegal, u l-Etjopja. Din l-istess komunikazzjoni tal-Kummissjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju stess, u wara dan l-EEAS u l-Istati Membri bdew jikkordinaw l-implimentazzjoni.
Fid-dawl tal-obbligi internazzjonali ta’ pajjiżna, persuni li għandhom dritt tal-ħarsien jingħataw kull protezzjoni, filwaqt dawk li jidħlu fl-UE illegalment, u ma jkollhomx dritt għal protezzjoni, jintbagħtu lura f’ pajjiżhom, fejn id-drittijiet tagħhom jigu mħarsa permezz ta’ ftehim Ewropew.
Il-Ministeru għall-Intern fisser kif il-Gvern Malti huwa kommess li jħares il-liġijiet u regoli internazzjonali, jassigura protezzjoni lil min jikkwalifika għaliha, u jirritorna lil dawk li ma jikkwalifikawx, kif dejjem kienet il-prassi, u skont il-ligijiet u d-direttivi Ewropej.
Dan kollu qed isir b’kordinament mal-istituzzjonijiet Ewropej.