Il-programm LEAD tal-Partit Laburista, li għandu l-għan li jżid is-sehem tal-mara fil-politika, kompla jissaħħaħ bil-parteċipazzjoni ta’ 33 mara oħra.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-ko-ordinatriċi tal-programm, Miriam Dalli, spjegat kif il-parteċipanti li wieġbu għar-raba’ sejħa tal-programm ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja u għandhom etajiet differenti.
Miriam Dalli tenniet li temmen fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u fir-rappreżentanza ugwali. Saħqet ukoll li LEAD huwa l-frott ta’ dak li jemmen il-Partit Laburista.
Dr Dalli stqarret, “Meta nħares lura lejn ħafna tfajliet li kellna fl-aħħar snin illum il-ġurnata narahom attivi f’aura differenti u jiena konvinta li b’dan il-grupp konna tfajliet u nisa li ser jaraw il-ħajja politika hija xi ħaġa li lilhom tinteressahom u li jridu jipparteċipaw b’mod attiv fiha.”
Il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Zammit Alamango, innotat kif dan il-programm jagħti opportunità ta’ esperjenza diretta fil-ħajja politika.
Filwaqt li fakkret ukoll fil-mira tal-Partit Laburista sabiex fuq żewġ leġislaturi, 50% tal-kandidati ikunu nisa.
Sostniet li bħalma l-Partit Laburista kien il-Partit tal-bidla f’numru ta’ oqsma, jista’ jkun il-Partit tal-bidla f’dan il-qasam ukoll.
Dan huwa l-ħames grupp tal-programm LEAD, b’Miriam Dalli rrimarkat kif tul l-intervisti ħareġ ċar il-potenzjal ta’ dawn in-nisa b’ideat diversi ta’ x’kapaċi joffru lis-soċjetà.