L-investiment fl-Iskola Primarja tar-Rabat wassal għal 33 klassi ġdida, fosthom dawk għal suġġetti speċifiċi.
Dan tħabbar waqt il-konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mill-inawgurazzjoni mill-Prim Ministru Robert Abela ta’ din l-iskola, li takkomoda madwar 400 tifel u tifla. Dan il-proġett sar b’investiment kapitali ta’ madwar €3.5 miljun u l-iskola laqgħet l-ewwel tfal tagħha f’Settembru 2023.
Fil-fatt ġie spjegat kif qabel l-iskola primarja kienet tikkonsisti f’żewġ binijiet separati. Madankollu b’dan l-investiment massiċċ, l-iskola ngħaqdet f’binja waħda, anke permezz tal-bini ta’ sular ġdid fuq l-iskola kollha.
Dan spjegatu, il-Kap tal-Iskola Dorita Maniscalco li rrimarkat ukoll li l-proġett, li sar f’din l-iskola, involva wkoll il-bini mill-ġdid tas-soqfa l-antiki kollha.
Ma’ ONE News, il-Kap tal-Iskola elenkat ir-riżultati ta’ dan l-investiment, fosthom klassijiet speċifiċi għal suġġetti bħall-arti, il-mużika u l-PSCD.
Maniscalco spjegat ukoll li għaxar klassijiet huma għal-livell ta’ Kindergarten.
L-iskola għandha wkoll gym fuq ġewwa, spazji rikreattivi fuq barra, multi-sensory room, kif ukoll kċina industrijali u spazju fejn jieklu t-tfal li jattendu għall-‘Breakfast Club’.
Il-proġett inkluda wkoll l-installazzjoni ta’ servizzi ġodda, fosthom servizz ġdid ta’ dawl, ilma u drenaġġ, kameras tas-sigurtà, konnettività tal-internet, alarms u servizzi ta’ fire safety. L-iskola għandha wkoll għamara ġdida, li tħeġġeg aktar l-inklużjoni fit-tagħlim.
Sadanittant, il-Kap tal-Iskola spjegatilna wkoll li l-iskola hi ħabiba tal-ambjent hekk kif tinkorpora fiha sistemi li jassiguraw l-użu tal-enerġija effiċjenti.