Tlieta u tletin għaqda volontarja ngħataw bejniethom mija u sittin elf ewro bħala parti minn żewġ skemi taħt il-Ministeru għal Għawdex.
B’kollox, il-Ministeru rċieva tmienja u erbgħin applikazzjoni u l-għaqdiet ibbenefikaw minn sa massimu ta’ ħamest elef ewro kull waħda, wara li ssodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-linji gwida u anki mill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
L-għan ewlieni ta’ dawn l-iskemi huwa li jtejbu t-tessut soċjali, kulturali, u ambjentali ta’ Għawdex, u anki l-faċilitajiet u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi fil-gżira tat-tliet għoljiet.
L-iskemi saru wkoll biex jippromwovu u jinkoraġġixxu kultura ta’ volontarjat u parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ volontarjat fi ħdan is-soċjetà Għawdxija.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li mindu l-Ministeru ntroduċa dawn it-tip ta’ skemi, diversi għaqdiet volontarji wettqu proġetti innovattivi li tejbu l-ħajja tan-nies.
Qal, “Nemmen li din hija inizjattiva importanti ferm sabiex inkomplu nsaħħu s-settur tal-għaqdiet volontarji ġewwa l-gżira ta’ Għawdex u nħarsu ’l quddiem għal aktar inizjattivi sabiex il-ħidma indispensabbli ta’ dan is-settur tibqa’ tiffjorixxi.”