Att legali ġdid, deskritt bħala JOBS+, se jara li min jirreġistra għax-xogħol ikun ġenwin, filwaqt li min jaħdem ma jkunx sfruttat.
L-att li tnieda mill-Ministru tax-Xogħol u ċ-ċermen tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-taħriġ jiffokka fuq ħames aspetti, jiġifieri t-tneħħija tal-prekarjat u l-abbuż, l-‘underemployment’, id-diskrepanzi fil-ħiliet, it-tluq mill-iskola kmieni u t-taħriġ kontinwu.
Fost proposti konkreti fl-att li jrid ikun approvat mill-Parlament, hemm riforma fil-mod ta’ kif jirreġistraw in-nies. B’mod simplifikat mhux se tibqa’ ssir distinzjoni bejn dawk li jirreġistraw iżda kollox huwa bbażat fuq kemm wieħed irid jaħdem jew le.
L-ewwel multa għal dawk li jinqbadu jħaddmu ħaddiema bla ktieb tax-xogħol se jiżdiedu minn €58 ewro għal €500. Multa li tista’ titla’ għal €2,500 jekk il-każ jispiċċa l-Qorti.
Ta’ kuljum isiru madwar 25 spezzjoni li minnhom jirriżulta li nofs Il-ħaddiema ma jkunux irreġistrati.
L-ispezzjonijiet se jiżdiedu u se jibdew isiru wkoll matul il-lejl u fi tmiem il-ġimgħa bin-numru ta’ spettorat mistenni jirdoppja, minn tmien persuni għal 14 jew 16.
Clyde Caruana, Ċermen tal-ETC, qal li minn Ġunju dieħla sistema ġdida bbażata fuq il-ħiliet u jekk wara tliet xhur li persuna tibda tirreġistra persuna tirrifjuta l-għajnuna, se tirriskja sanzjonijiet.
Dawk il-persuni li jirreġistraw għandhom id-dritt li jaħdmu 240 siegħa ta’ xogħol fis-sena, l-aqwa li jkunu ddikjartati.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-xogħol saħaq fuq l-importanza li l-inqas ħlas li ħaddiem jista’ jirċievi hija l-paga minima u hekk ma jkunx hemm lok għall-prekarjat.
Żied jgħid li tibqa’ prijorità tal-Gvern li jassigura li l-ħaddiema jkollhom l-opportunitajiet kollha meħtieġa għax-xogħol.