Il-President Amerikan Joe Biden ħabbar li l-Istati Uniti se tkun qed tibgħat 325 miljun dollaru f’għajnuna militari lill-Ukrajna.
Biden ħabbar dan waqt laqgħa fil-White House mal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy.
Biden qal li l-għajnuna se tkun qed tinkludi teknoloġija kontra l-attakki mill-ajru, armi kontra t-tankijiet u apparat militari ieħor. Hu kkonferma li l-ġimgħa d-dieħla, se jintbagħtu bosta tankijiet tal-Gwerra lill-Ukrajna.
Il-President Amerikan sostna li din l-għajnuna hija kruċjali biex tissaħħaħ id-difiża tal-Ukrajna, speċjalment dik ta’ kontra l-attakki mill-ajru, sabiex il-provvista tad-dawl ma tkunx affettwata.
Hu għamilha ċara li jekk l-Ukrajna ma tingħatax l-għajnuna meħtieġa biex tiddefendi ruħha, l-ebda pajjiż mhu se jkun sigur mill-furur Russu.
Zelenskyy irringrazzja lil Biden u stqarr li l-poplu Amerikan huwa magħqud mal-poplu Ukren.
Intant, ftit wara din il-laqgħa, missila mil-armata Ukrena laqtet il-kwartieri ġenerali tal-flotta Russa fil-Krimea.
Il-kwartieri, li għandhom importanza strateġika kbira minħabba li jinsabu qrib il-Baħar l-Iswed, inħakmu min-nirien.
Ir-reġjun tal-Krimea kien parti mill-Ukrajna iżda fl-2014 ir-Russja ħadithu f’idejha. Sal-lum, l-Ukrajna qed issostni li din l-invażjoni kienet waħda illegali u li se tagħmel minn kollox biex teħodha lura f’idejha.
L-Ukrajna ammetiet li kienet responsabbli wara dan l-attakk u tenniet li b’suċċess irnexxiela toloqt il-bażi navali f’Sevastopol, però ma tawx aktar dettalji.