Fis-sena 2014 kien hemm 29,126 persuna li ħadu pagament ta’ €110 jew ta’ €55 bħala rifużjoni ta’ VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi. L-ammont totali li ingħata lura fi flus s’issa kien ta’ €3,274,480.00 fis-sena 2014.
Fis-sena 2015 kien hemm 3,336 persuna li ħadu l-ħlas kollu dovut bħala rifużjoni ta’ VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi reġistrati bejn l-1 ta’ Mejju u l-aħħar ta’ Diċembru 2004. Dawn ingħataw l-ammont ta’ €2,315,847.57. Dan ħareġ fi tweġiba Parlamentari tal-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi.
Qal li Transport Malta għandha wkoll allokat baġit ta’ €4.3 miljun għall-għotjiet li ser jitħallsu fil-2016 għal sidien ta’ vetturi li rreġistraw vettura fil-2005. Bħalissa l-Awtorita’ qiegħda tilqa’ l-applikazzjonjiet għal dawn is-sidien.
Il-Ministru spjega li l-ammont ta’ persuni li mistennija jibbenefikaw minn din l-iskema jkun magħruf fis-sena 2019 meta jiġu eżawriti l-iskemi kollha. Bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2008 dawk kollha li xtraw karozza f’Malta ħallsu taxxa doppja, sistema li sa minn dak iż-żmien kienet ikkritikata mill-Partit Laburista. Permezz ta’ dawn ir-rifużjonijiet qiegħda titwettaq waħda mill-wegħdi elettorali ewlenin.