Wara li din is-sena, is-servizz tat-trasport pubbliku b’xejn ġie estiż għaż-żgħażagħ kollha b’etajiet minn 14 sa 20 sena, kif ukoll għall-istudenti kollha full-time minn 21 sena ’l fuq, ħareġ li għal darb’oħra din l-inċentiva qed tkun ta’ suċċess.
S’issa aktar minn 31,400 individwu uniku gawdew minn dan is-servizz matul din is-sena, b’investiment ta’ aktar minn €1.6 miljun mill-Gvern. F’sitt xhur, dawn iż-żgħażagħ gawdew minn kważi 3.8 miljun vjaġġ, fejn il-faxxa ta’ żgħażagħ bejn 16 u 20 sena ibbenefikaw minn żieda ta’ 12% fuq il-vjaġġi li gawdew minnhom iż-żgħażagħ tal-istess faxxa sena matul l-istess perjodu fl-2018. Aktar minn 14% tal-vjaġġi totali li qegħdin isiru bit-trasport pubbliku huma vjaġġi li jibbenefikaw minn din il-miżura.
Sadanittant, din is-sena kien hemm ukoll numri inkoraġġanti ħafna fir-rigward tas-servizzi mogħtija f’relazzjoni mal-attività Isle of MTV, fejn jidher li n-numru ta’ passiġġieri li użaw it-trasport pubbliku f’direzzjoni waħda biss qabeż l-4,800 persuna, jiġifieri li kwart tan-nies li attendew l-attività għamlu użu mit-trasport pubbliku.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Dawn ir-riżultati juruna li ż-żgħażagħ lesti jagħmlu użu mit-trasport alternattiv speċjalment meta l-Gvern qiegħed jiffaċilita dan billi qed joffri dan is-servizz mingħajr ħlas. Il-Gvern kommess li jkompli jinċentiva t-trasport pubbliku u għandna ħsibijiet u pjanijiet biex inkomplu noffruh lil firxa usa’ ta’ nies. Sodisfatti li s-servizz tat-trasport pubbliku qed jitħaddem b’mod aktar effiċjenti, u filfatt għadna kif rajna li għall-attività tal-Isle of MTV li saret fil-Furjana, persentaġġ sostanzjali ta’ nies użaw dan is-servizz, u minħabba dan kellna inqas konġestjoni fuq it-toroq tagħna f’din il-ġurnata. Madanakollu, għalkemm aħna sodisfatti se nkomplu naħdmu għax nemmnu li qatt ma nistgħu nkunu effiċjenti biżżejjed, u se nkomplu nirsistu favur flotta akbar għal servizz aktar frekwenti. Din hija t-triq ’il quddiem. Jeħtieġ li naħdmu flimkien biex inrawmu kultura ta’ għażliet aktar sostenibbli fis-settur tat-trasport.”