31 Inġinier ingħataw warrant biex b’hekk issa jistgħu jibdew jipprattikaw u jaħdmu f’din il-professjoni li d-domanda għaliha dejjem tibqa’ tikber. Dawn il-warrants kienu ppreżentati mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia.
Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru Bonett awgura lill-inġiniera l-ġodda filwaqt li saħaq li minn issa ’l quddiem il-firma tagħhom saret ċertifikat ta’ kwalità u ta’ responsabbiltà, anke tal-ħajja tan-nies. Żied ukoll li l-inġiniera għandhom iwettqu dmirhom b’ serjetà u b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet u r-regolamenti kollha tal-pajjiż.
“Bħala gvern dejjem qed naraw kif inżidu iktar opportunitajiet ta’ xogħol għal professjoni tagħkom, kemm fis-settur privat, billi nattiraw iktar investiment fl-industrija, kif ukoll fis-settur pubbliku li dejjem għandu bżonn nies bħalkom,” tenna l-Ministru Bonett, filwaqt li awgura lill-inġiniera preżenti kull suċċess fil-karriera tagħhom.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia tkellem fuq kif l-inġiniera jagħtu kontribut siewi fl-iżvilupp ta’ pajjiżna filwaqt li fisser ir-responsabbiltà li jġorr miegħu dan iċ-ċertifikat.
“L-etika għandha tifforma l-karriera ta’ kull inġinier u għaldaqstant huwa importanti li kull inġinier jieħu fuqu responsabiltà li jwettaq xogħlu b’mod etiku. Inħeġġeġ lill-inġiniera sabiex jirrispettaw il-professjoni tagħhom u jkunu responsabbli fid-deċiżjonijiet li jieħdu fil-ħidma tagħhom sabiex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem u jikseb is-suċċessi meħtieġa f’dan is-settur,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Farrugia.
Dan il-warrant beda jingħata lill-istudenti tal-inġinerija fl-1993 u minn dak iż-żmien ’l hawn ingħataw 1763 warrant f’din il-professjoni. Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Chairperson tal-Bord tal-Inġiniera, l-Inġ. Keith Chetcuti u l-Viċi President tal-Kamra tal-Inġiniera, l-Inġ. Robert Busuttil.