Nhar il-ħdax ta’ Awwissu tal-elf disa’ mija u wieħed u disgħin. L-ewwel darba li l-istazzjon tar-radju ta’ ONE, beda jxandar.
ONE Radio huwa ta’ kumpanija għas-semmiegħa 24 siegħa kuljum b’għadd ta’ programmi ta’ diskussjoni dwar ġrajjiet kurrenti, programmi oħra ta’ informazzjoni u programmi b’għażliet mużikali varji li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.
Fil-wieħed u tletin anniversarju, il-Kap ta’ ONE Radio, Clint Bajada, qal li biex dan l-istazzjon jibqa’ jikseb is-suċċessi, iħares lura lejn il-prinċipju ewlieni għalfejn kien inħoloq.
Qal, “Fil-fatt ONE Radio minn dejjem kien l-istazzjon li jwassal l-informazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti, programmi ta’ mużika, programmi ta’ divertiment u minkejja li d-dinja inbidlet u l-affarijiet qed jinbidlu, aħna qed naġġornaw maż-żminijiet. Dan kollu qed jagħtina riżultati tajbin, fil-fatt ilbieraħ għadu kemm ħareġ stħarriġ tal-awtorità tax-xandir u wera kemm ONE Radio baqa’ b’saħħtu u allura ta’ dan kollu aħna nkunu kburin, nirringrazzjaw lis-semmiegħa u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu parti minn din l-istorja ta’ 31 sena.”