John Grech, anzjan ta’ 72 sena minn Birżebbuġa ħalef li d-demm li ngħata fi fjur żogħżitu jroddu lura tul ħajtu kollha.
Kien għad kellu biss 19-il sena meta kellu inċident ikrah f’idu li kawża tiegħu tilef ħafna demm. Minn dakinhar baqa’ jagħti d-demm b’mod regolari għal 31 sena sakemm għalaq 50 sena.
Iltqajna ma’ John fid-dar tiegħu f’Birżebbuġa fejn irrakkontalna ġrajja ta’ tifel li ikla ful kienet bagħtitu l-isptar u kif hu flimkien ma’ tnejn oħra qattgħu sigħat l-isptar f’każ li jkollu bżonn id-demm.
John qalilna: “Spiċċajna l-isptar u konna tlajna tlieta biex jekk ikollu bżonn id-demm it-tifel, ibiddlulu demmu fuq ordni tat-tabib li rah bagħtu mill-ewwel l-isptar, u tlajna miegħu hemm hekk ukoll biex nagħtu d-demm ħalli jekk ikollu bżonn ma nagħmlux enfasi fuq il-bank tad-demm. Ma setgħux jieħdu d-demm tagħna dak il-ħin u jagħtuhulu, imma aħna tajna d-demm għal ġol-bank.”
Iżda, meta għalaq il-50 sena John kellu jieqaf jagħti d-demm. Dan meta t-tobba skoprew li għandu kundizzjoni fil-fwied. L-istess kundizzjoni li kawża tagħha, John ingħata mal-ħamsin borża demm fl-aħħar 3 snin.
John sostna: “Matul is-sena li għadha kif għaddiet jiena ħadt 22 borża demm, kont qed nitlef ħafna demm. Is-sena ta’ qabel 15 u s-sena ta’ qabel 15 oħra. Kull darba nispiċċa l-isptar weak u jkollhom jagħtuni d-demm.”
John qal li min għadu qatt ma ta’ demm jagħmel kuraġġ u ma jaqtax qalbu. Huwa tenna: “Nagħmel kuraġġ lil dak li jkun biex jagħti d-demm, għaliex id-demm ma tistax tagħmlu artifiċjali mhux bħal pilloli tista’ tipproduċi kemm trid. Id-demm irid xi ħadd volontarjament jagħti d-demm.”
Hu ta ħajr ukoll lill-mijiet ta’ donaturi tad-demm li bil-ġest tagħhom qegħdin isalvaw il-ħajjiet.
John temm jgħid: “Nirringrazzja lil dawk li qed jagħtu u nagħmel kuraġġ lil min qatt ma ta biex jagħti d-demm.”