F’ċerimonja fil-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, tliet persuni ngħataw il-warrant u 28 oħra rċevew ċertifikati bħala restawraturi u konservazzjonisti, proċess li ħa numru ta’ snin u prattika.
Joseph Buttigieg, Chairperson tal-bord li jieħu ħsieb il-proċess, irrimarka fuq l-importanza li issa dawn in-nies jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ ħaddieħor, waqt li jagħmlu assesjar b’reqqa kbira biex jaraw eżattament x’għandu bżonn l-oġġett biex ikun ikkonservat bl-aqwa ħila possibbli.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li, permezz ta’ liġi li ddaħħlet fis-seħħ fl-2019, inħoloq bord biex, bil-maqlub tal-imgħoddi, jevalwa u jiċċertifika lil dawn il-persuni ħalli tiżdied is-serjetà meħtieġa ta’ kif wieħed għandu jieħu ħsieb il-wirt storiku ta’ pajjiżna li huwa imprezzabbli.
Hu żied jgħid ukoll li l-fondi għar-restawr f’dawn l-aħħar snin sploda u għalhekk ingħataw ħafna aktar għajnuniet.
“Aħna kommessi li nsaħħu l-professjonalizzazzjoni ta’ dan is-settur biex inkomplu noħolqu professjoni b’saħħitha ta’ nies tajbin li jippriservaw il-wirt storiku ta’ pajjiżna kif ukoll toffri karriera sabiħa għaż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu f’dan is-settur.”
Ministru Owen Bonnici
Tkellimna wkoll ma’ Andre Azzopardi, wieħed minn tlieta li ngħataw il-warrant, li spjegalna kif dan għalih hu mument importanti ħafna.
“Il-warrant hu ċertifikat ta’ xogħol li għamilt fil-passat u huwa wkoll standard li rrid nżomm bih fil-futur.”
Konservatur u Restawratur, Andre Azzopardi