Waqt ċeremonja ġewwa l-Aġenzija Żgħażagħ 31 grupp ta’ żgħażagħ ibbenefikaw mill-iskemi ta’ A4U u BeActive bl-ammont totali tal-għotjiet jammonta għal €50,000.
Waqt din iċ-ċeremonja, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, qal li b’dawn il-proġetti ż-żgħażagħ qed isiru aktar attivi fis-soċjetà u jagħtu sehemhom b’mod innovattiv fis-soċjetà. Dawn l-iskemi qegħdin ukoll ikabbru il-capacity building tal-għaqdiet u b’hekk qed isaħħu s-soċjetà ċivili.
L-iskema ta’appoġġ, A4U, hija amministrata mill-Aġenzija Żgħażagħ fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari bil-għan li tappoġġja organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex tikber u tiżviluppa aktar is-servizzi li jipprovdu għaż-żgħażagħ u l-komunità. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huma mistiedna joħorġu inizjattivi li jgħinuhom isaħħu u jiżviluppaw is-servizz, il-missjoni u l-identità tal-organizzazzjoni rispettiva tagħhom. L-organizzazzjonijiet għandhom joħolqu inizjattivi biex fosthom ittejjeb/tirristruttura l-bini u jinxtraw riżorsi ġodda.
L-iskema BeActive, li hi wkoll amministrata mill-Aġenzija Żgħażagħ, għandha l-għan li tkompli tipprovdi appoġġ lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-iżvilupp, ippjanar, implimentazzjoni u evalwazzjoni ta’ proġetti li huma mmirati biex jipprovdu għall-benesseri tal-membri rispettivi tagħhom kif ukoll għall-komunità u s-soċjetà. L-inizjattivi proposti mill-organizzazzjoni għandhom ikunu relatati ma’ tal-inqas waħda mit-temi li hemm stipulata bħas-saħħa mentali, l-ambjent, l-bini taż-Żgħażagħ għall-Paċi li hi t-tema Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti taż-Żgħażagħ 2017, No Hate Speech Campaign u prevention of addictive behavior.