31% spiċċaw l-iskola sekondarja fl-2014 mingħajr ebda ċertifikazzjoni f’idejhom.
Din l-istatistika ħarġet minn studju li analizza x’sar miz-zgħazagħ li spiċċaw l-iskola sekondarja fl-2014. Statistika li fi kliem l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo hija inkwetanti ferm.
L-istudju sar fi Frar 2015, fost 93% taż-żgħażagħ li temmew l-iskola sekondarja fl-2014. 7% ma ġewx iddentifikati. Probabilment dawn mhux qiegħdin jistudjaw jew jaħdmu, jew inkella qegħdin jaħdmu mingħajr impjieg.
Il-Ministru esprima tħassib għall-fatt li tlieta minn kull għaxra li jispiċċaw il-form five bħalissa jridu jerġgħu jidħlu għal korsijiet oħra jekk iridu jkomplu jistudjaw, għax dak li suppost tgħallmu ma tgħallmuhx.
87% taż-żgħażagħ komplew bl-istudji wara li spiċċaw l-iskola obligatorja fl-2014. Żieda ta’ 6% meta mqabbel mal-ħames snin ta’ qabel.
369 żagħżugħ u żagħżugħa għazlu li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Tliet fatturi l-iktar komuni li wasluhom ma jkomplux l-iskola huma li tilfu l-interess fl-istudji, ma ġabux ċertifikati jew m’għamlux l-eżamijiet tal-O’levels.
Filwaqt li kien hemm 240 żagħżugħ u żagħżugħa li għażlu li ma jkomplux jistudjaw u lanqas jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dawn għazlu li jew joqgħodu id-dar, jemigraw, jirreġistraw għax-xogħol jew qiegħdin joqdu lura minħabba raġunijiet bħal problem soċjali.
Quddiem dan l-istħarriġ il-Ministeru għall-edukazzjonijiet ħareġ b’numru ta’ inizjattivi għaz-zagħzagħ li spiċċaw il-ħames sena ta’ sekondarja din is-sena. Kif spjegat Sandra Cortis mid-direttorat tas-servizzi edukattivi fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Din is-sena kienu proattivi, fejn minn fost dawn li temmew il-form five ta’ din is-sena, intgħażlu dawk li m’għamlux l-O’Levels jew li kienu assenti għal żmien twil, u bdew isiru sessjonijiet fuq bażi individwali.