Il-Ġermanja qed tistenna li matul din is-sena, fil-pajjiż se jaslu mat-300,000 immigrant.
Dan skont il-Kap tal-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati.
Frank Juergen Weise sostna li jekk aktar nies jaslu fil-pajjiż, l-uffiċċju tiegħu se jaffaċċja problemi u diffikultajiet kbar. Però qal li jinsab kunfidenti li n-numru t’immigranti li jaslu fil-Ġermanja mhux se jaqbeż dak stmat.
Is-sena li għaddiet, il-Ġermanja rċeviet aktar minn miljun immigrant, l-aktar mil-Lvant Nofsani, mill-Afghanistan u mill-Afrika.
Il-Ministeru għall-Intern Ġermaniż qal li huma kważi 400,000 ruħ li applikaw għall-ażil fl-ewwel sitt xhur tas-sena.
Minħabba diż-żieda qawwija t’immigranti, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel qed taffaċċja kritika qawwija għall-politika tagħha fuq l-immigrazzjoni, filwaqt li l-appoġġ għall-gruppi kontra l-immigrazzjoni fil-pajjiż kiber b’mod drastiku.