Matul is-sena li għaddiet, il-linja Nazzjonali tal-ajru l-Air Malta kompliet issaħħaħ l-operat tagħha, ikkonsolidat ir-rotot u bdiet tħares lejn il-futur.
Fil-fatt iċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion spjega li l-linja tal-ajru rat żieda ta’ madwar 300,000 passiġġier. Fisser li terz ta’ dan l-ammont ġie mit-tisħiħ tar-rotot eżisteni.
Stqarr ukoll li rrankat il-ħidma biex tinqaleb il-flotta lejn ajurplani li jniġġisu inqas u li huma iktar ekonomikament vijabbli. Dan filwaqt li l-operat jibqa’ sostennibbli.
Is-Sur Mangion stqarr: “Bdejna l-kambjament tal-flotta li ħa jagħtina vantaġġ ekonomikament għax tgħinna nnaqqsu l-ispejjeż imma anka ambjentalment tgħinna ħafna quddiem fuqha. It-tieni nett dħalna fi studju intensiv fil-kummerċjal. Il-kummerċjal fejn aħna kif ħa nżidu is-sales, il-yield. Il-yield huwa d-dħul. U kif ħa nikkontrollaw l-ispejjeż – dawk huma t-tliet elementi importanti.”
In-Nutar Mangion qal li għal dan il-għan beda jitħaddem pjan ta’ żvilupp sal-2024 li fost oħrajn se jwassal biex l-Air Malta tibda tħares li ttir lejn destinazzjonijiet inter-kontinentali b’ajruplani ikbar.
Qal li biex dan iseħħ hemm bżonn l-impenn u l-koperazzjoni tal-ħaddiema kollha. Is-Sur Mangion sostna: “Hemm bżonn li jsir it-tibdil, hemm bżonn li nkunu kompettivi, hemm bżonn li naħdmu fis-sħiħ. Dawk huma t-tliet kriterji. Il-pagi tagħhom imħarsin, l-impjieg tagħhom imħares, imma jkun imħares jekk iħarsuh huma jekk huma jipproteġu l-kumpanija, jekk jikkomettu ruħhom iktar għall-kumpanija.”
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, il-Kaptan Clifford Chetcuti spjega li tul din is-sena l-Air Malta se tagħfas fuq il-bżonn li ttejjeb il-puntwalità.
Fisser li dan l-aspett huwa kruċjali għal kull linja tal-ajru sabiex ittejjeb il-bejgħ tal-biljetti hekk kif irrikonoxxa li hawnhekk il-linja tal-ajru tista’ tagħmel aħjar. Chetcuti spjega: “Qed noħolqu sistema ta’ meetings to break down the silos fejn l-inġiniera, il-commercial, u l-operations u anke l-ground handling jaħdmu flimkien fejn huma c-challenges u fejn nistgħu naħdmu flimkien biex nimpruvjaw l-on time performance.”
Spjega li huwa importanti li d-dipartimenti tal-Air Malta jaħdmu flimkien biex ikun assigurat li l-passiġġieri tagħhom jaslu fejn għandhom jaslu fil-ħin.