Bħal kull sena f’dan il-perjodu eluf ta’ Maltin u turisti rħewlha lejn il-gżira Għawdxija.
Iżda, din is-sena fil-moll taċ-Ċirkewwa kien hemm storja kompletament differenti. Għax il-vjaġġ kien ferm aktar feliċi ladarba mal-wasla tagħhom fiċ-Ċirkewwa sabu vapur lest biex jgħabbihom minflok serbut twil ta’ karozzi.
Dan mhux b’xi kumbinazzjoni, imma frott ta’ deċiżjoni għaqlija; dak li jiżdied ir-raba’ vapur mal-flotta tal-Gozo Channel.
Bejn il-jiem tat-Tnejn u l-Erbgħa wara nofsinhar qasmu kważi 30,000 passiġġier bejn iż-żewġ gżejjer, bl-operat dejjem baqa’ għaddej b’effiċjenza.
Iċ-Ċermen tal-Gozo Channel, Joe Cordina, sostna dan kien test ta’ kemm vera ħalla impatt pożittiv fl-effiċjenza tal-operat tal-baħar bejn Malta u Għawdex.
“Minkejja li qegħdin naħdmu bl-iskeda, t-traffiku qed jimxi b’mod normali, qisu lanqas ġejja Santa Marija biex ngħidlek il-verità.” Stqarr Cordina.
U s-sewwieqa ta’ karozzi elettriċi saħansitra marru aħjar għax ma ħallsux in-noll tal-vapur.
“Din hija inizjattiva biex inħeġġu lil min jista’ jitla’ b’karozza elettrika lejn Għawdex biex b’hekk inaqqsu mill-pollution fil-gżira ta’ Għawdex.” Ikkonkluda Cordina.
U bil-Malti jgħid li l-ġurnata minn filgħodu turik, żgur li dan awgura tajjeb għal dawk li btala bdewha b’mod iktar kalm.