B’investiment ta’ €50,000, medda ta’ madwar tletin elf metru kwadru se tiġi rriġenerata żona fil-Park tal-Majjistral sabiex ikun hemm żona għal picnic.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostennibli Miriam Dalli u l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia.
Intqal kif din ir-riġenerazzjoni se tkun maqsuma fi tnejn, hekk kif għandek iż-żona tal-picnics u f’żona oħra se jitħawwlu tlett elef siġra indiġena u arbuxell.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif f’dan il-park se jkun ħmistax-il bank u dan sabiex il-park jinżamm fl-istat naturali tiegħu.
Qalet li ż-żona se tkun aċċessibli għal kulħadd, inkluż dawk li jużaw is-siġġu tar-roti.
Il-Ministru Aaron Farrugia semma kif wara l-konsultazzjoni pubblika għall-iżjed spazji miftuħa f’pajjiżna, it-tekniċi qed jistudjaw iż-żoni li għandhom ikunu miftuħa għal familji Maltin u Għawdxin.
Huwa qal, “Aħna ftaħna konsultazzjoni pubblika, kemm għal picnic u hikings, kemm għal campings u għal campers li għandna fil-pajjiż. U allura nħarsu ‘l quddiem issa biex flimkien mal-awtoritajiet nimxu ‘l quddiem u kif talbuna l-familji Maltin u Għawdxin, qabel u waqt il-pandemija, intuhom iżjed żoni ta’ rikkreazzjoni mal-pajjiż kollu.”
Intqal ukoll kif din iż-żona li se tkun riġenerata se tkun imħarsa mill-gwardjani tal-park.