Eluf ta’ tfal gawdew il-vaganzi tal-mid-term tagħhom fi spazji miftuħa, grazzi għall-attivitajiet organizzati f’jiem differenti minn entitajiet tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.
Project Green, WasteServ u Ambjent Malta organizzaw attivitajiet edukattivi biex it-tfal iqattgħu ħin ta’ divertiment waqt il-vaganzi ta’ Novembru. It-total ta’ tfal li attendew dawn l-attivitajiet bla ħlas laħaq madwar 3,000.

Il-Ġnien fuq il-Glażiż, l-ECOHive Academy u l-Buskett ħadu l-ħajja b’attivitajiet bħal krafts, potting, kant u mużika. Permezz ta’ taħlita ta’ stejjer fuq il-Blue Lady tal-Buskett, il-belliegħa u attivitajiet interessanti bħal glow-in-the-dark slimeu logħob interattiv dwar l-ambjent, it-tfal mhux biss setgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità mal-qraba jew mal-ħbieb tagħhom, imma skoprew spazji ġodda. Għal uħud minnhom, din kienet l-ewwel darba.

“Li norganizzaw attivitajiet li jagħtu l-ħajja lil dawn l-ispazji miftuħa qed iwassal biex aktar u aktar nies isiru jafu bil-proġetti li qed inwettqu u jibqgħu jgawduhom. Qegħdin nuru kif anke bi spazju miftuħ nistgħu ngħaqqdu flimkien l-elementi soċjali, edukattivi u kulturali. L-impenn tagħna jibqa’ wieħed: li rridu nattiraw aktar nies lejn il-parks,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
