L-2024 kienet sena rekord ta’ kumpaniji li pparteċipaw fil-programm S.A.F.E., li ilu jiġi offrut mill-aġenzija Sedqa biex jiggwida lill-ħaddiema tagħhom fejn jidħlu l-vizzji u l-benesseri matul il-ħajja.
Fil-fatt, matul is-sena li għaddiet, dan il-programm għen lil madwar tlett elef impjegat, f’mitejn sessjoni ma’ kumpaniji minn setturi differenti kemm fil-privat kif ukoll tal-Gvern.
ONE News tkellem mal-Maniġer għas-Servizzi Preventivi fi ħdan is-Sedqa, Jareth Grima, li spjegalna aktar dwar l-iskop tal-programm.
“Ibbażat fuq tmin workshops differenti. Tlieta bbażati aktar fuq wellbeing, jiġiferi l-benesseri tal-persuna fejn nitkellmu u niddiskutu fuq stress managment, workplace u anke kif tibbilanċja l-aspett personali mal-ħajja privata tiegħek. Filwaqt li, imbagħad, għandna l-aspett l-ieħor relatat mas-sustanzi, l-alkoħol, il-logħob tal-ażżard.”
Jareth Grima, Servizzi Preventivi , Sedqa
Grima kompla jispjega kif persuna fuq il-post tax-xogħol tinduna li kollegi tagħha jkunu għaddejjin minn xi tip ta’ problema u x’għandha tagħmel.
“Ilkoll kemm aħna importanti li ma niġġudikawx, għax, fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll ngħaddu minn sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu iebsin fuq il-ħajja tagħna personali u, aktar kemm nuru sapport lil xulxin, ikun tant aħjar. Li nirrakkomandaw dejjem tara kif qed tara l-persuna, l-imġieba tagħha forsi qed tinbidel, l-attitudnijiet tal-persuna, il-mod ta’ kif jiftakru wkoll u kif jistgħu jgħinu. Kelma ta’ kuraġġ, kelma ta’ ħu ħsieb, tqanqal iktar il-persuna li forsi trid l-għajnuna, aħjar milli niġġudikaw il-persuna.”
Jareth Grima, Servizzi Preventivi , Sedqa
Fl-aħħarnett, Grima rrimarka li kumpaniji interessati jistgħu jagħmlu kuntatt mas-Sedqa b’diversi modi.
“Jistgħu jikkomunikaw magħna permezz tat-telefown 23885110 jew inkella fuq il-mezzi soċjali tagħna ta’ Facebook, l-aġenzija Seqda, filwaqt ukoll ta’ Instagram jew Linkedin. Jiġifieri għandna paġna apposta u għandna persuni f’dawn is-servizzi preventivi li jistgħu jwieġbu.”
Jareth Grima, Servizzi Preventivi , Sedqa