Il-Pulizija rċeviet aktar minn 300 rapport minn persuni li allegatament ingidmu eluf kbar ta’ ewro mill-kumpanija ‘Rediscover the World’ fi ħdan ‘Platinum International Services Malta’, li kienet topera mill-Mosta. Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qalu li qed janalizzaw ir-rapporti kollha sabiex jikkonkludu l-investigazzjonijiet tagħhom u eventwalment jgħaqqduhom f’każ wieħed fil-konfront ta’ minnhu responsabbli.
L-istess sorsi qalu li t-Taqsima ta’ Kontra r-Reati Ekonomiċi għadha u mistennija tkompli tirċievi aktar rapporti minn persuni li sfaw migduma wara li xtraw skema ta’ timeshare taħt l-isem ta’ ‘Escape from Malta’. Il-vittmi qed jallegaw li ngħataw dokumentazzjoni falza bħal biljetti tal-ajru ffalsifikkati u anke ‘bookings’ ta’ lukandi.
ONE News huwa nfurmat li d-Direttur Maniġerjali tal-Kumpanija Michael Tolan, li jinsab fiċ-ċentru ta’ dawn l-allegazzonijiet għadu barra l-pajjiż. Is-sorsi ta’ ONE News qalu lill-Pulizija għadha ma rnexxiliex tagħmel kuntatt miegħu.Minkejja l-mijiet ta’ klijenti li allegatament ingidmu minn din l-iskema, hemm ukoll il-ħaddiema li kienu jaħdmu mal-kumpanija li qed jgħidu li għadhom ma tħallsux ta’ xogħolhom. ONE News tkellem ukoll ma’ sid il-binja li minnha kienet topera l-kumpanija fil-Pjazza tal-Mosta. Huwa qal kif fost oħrajn, is-sid għadu ma ħallast żewġ kirjiet u l-kont tad-dawl. Sid il-kera qal li prova jikkuntatja lis-Sur Tolan, iżda dan baqa ma’ weġbux u jidher li se jibqa’ b’xiber imnieħer.
Fost il-klijenti ta’ din il-kumpanija tnisslet rabja kbira, hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu fuq is-sit tal-kumpanija ngħad li se terġa tibda topera mill-ġdid qabel is-Sibt 15 ta’ Settembru. Madankollu fi żjara li għamel ONE News quddiem l-uffiċini, il-bibien baqgħu magħluqa u l-art miksija b’għadd ta’ ittri li qed jitħallew taħt il-bieb ewlieni, mingħajr ħadd ma jiġborhom. Fuq is-sit tagħha l-kumpanija qalet ukoll li dan ġara minħabba ksur ta’ fiduċja mid-Direttur tal-Uffiċċju Lokali f’pajjiżna.
Intant, kien ONE News li x-xahar li għadda żvela dan l-allegat każ, fejn il-vittmi qed jgħidu li xtraw din it-‘timeshare’ u meta siefru fuq il-btala tagħhom irealliżaw li din ma kienet xejn ħlief daħka fil-wiċċ. Dan hekk kif spiċċaw iħallsu l-flus kollha għal-lukanda fost oħrajn. Filfatt il-klijenti qed jgħidu li spiċċaw iħallsu għal servizzi barra minn xtutna li suppost kienu tħallsu mill-kumpanija qabel is-safra.
Saħansitra kien hemm fosthom li ħallsu €2,000 għal lukanda li mingħalihom kienet imħallsa. Oħrajn spiċċaw saħansitra fl-għassa tal-pulizija fil-Ġermanja għax ma kellhomx biex iħallsu dak li suppost tħallsilhom mill-kumpanija. Huma wkoll irrapurtaw b’mod dirett lill-Pulizija fl-Għassa tal-Mosta, u oħrajn ingħaqdu flimkien u għamlu rapport wieħed permezz tal-avukat tagħhom.
ONE News hu nfurmat li wara lill-Pulizija bdiet tanalizza dawn ir-rapporti li bdew deħlin u għadhom deħlin bl-għexieren qed titratta dan il-każ bħala wieħed ta’ frodi jew misaproprijazzjoni ta’ flus.