Id-dipartiment li jagħti l-appoġġ professjonali b’mod kunfidenzjali għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku ta’ kull sena jara ma’ wiċċu sitwazzjonijiet ġodda.
Stelmart Khalil, l-Assistent Direttur tad-Dipartiment tal-ħarsien għall-ġid u appoġġ lill-ħaddiema tal-Gvern tispjega kif għalkemm għad fadal nies li jkunu jafu b’dan id-dipartiment u s-servizzi li joffri, hemm min qed ifittex l-għajnuna.
Hi stqarret li “Is-sena li għaddiet kellna madwar tliet mitt impjegat pubbliku ġdid li għamel kuntatt mas-servizz. Aħna rajna dan is-servizz ilu mwaqqaf disa’ snin u kull sena l-ammont ta’ nies dejjem qiegħed jiżdied anki l-użu tas-servizz u nies li jersqu għall-għajnuna”.
Tispjega l-iskop ta’ dan is-servizz importanti li jgħin mhux biss biex il-ħaddiem jingħata l-wens iżda biex sitwazzjoni delikata u sensittiva ma tolqotx is-servizz mogħti.
Khalil tenniet li “L-iskop tiegħu huwa li nipprovdu servizz ta’ support lill-impjegati fl-amministrazzjoni pubblika, jiġifieri kemm fil-Ministeri u anki fl-entitajiet li jistgħu jkunu għaddejjin minn diffikultajiet kemm fil-ħajja personali tagħha kif ukoll anki fuq ix-xogħol”.
Filwaqt li Stelmart Khalil terġa’ tisħaq magħna fuq il-kunfidenzjalità li bih jingħata s-servizz t’appoġġ lill-ħaddiema li jkunu għaddejin minn xi saram, spjegat x’tip ta’ problemi jersqu bihom il-ħaddiema.
“Il-maġġoranza tan-nies jagħmlu użu mis-servizz tagħna għal diffikultajiet fil-ħajja personali tagħhom b’mod partikolari problemi fil-familja, fir-relazzjonijiet, diffikultajiet ta’ saħħa mentali, stress eċċessiv, użu ħażin ta’ alkoħol u droga. Dawn huma t-tipi ta’ diffikultajiet li niltaqgħu magħhom li jekk il-persuna ma jkunx qed jiġi supported fihom jista’ jkun anke qed jiġi affettwat ix-xogħol tal-persuna u anki l-mod ta’ kif iġib ruħu fuq il-post tax-xogħol”, temmet tgħid Khalil.
Hekk kif qed toqrob il-ġimgħa għas-servizz pubbliku propju l-Erbgħa 25 ta’ Settembru se titella’ konferenza immirata għal dawk li jesperjenzaw minn episodji trawmatiċi waqt il-qadi ta’ dmirjiethom.
Fost dawn hemm membri tal-korp tal-pulizija li flimkien ma’ infermiera se jingħataw gwida utli biex ukoll jirċievu l-għajnuna biex ikomplu bix-xogħol tagħhom.
Fil-fatt dawn it-tip ta’ ħaddiema u oħrajn li ġejjin mis-settur edukattiv huma l-aktar li jfittxu għas-sokkors.
L-għajnuna minn dan id-dipartiment tista’ tingħata wkoll billi ċċempel fuq 22001210.