Ivan Galea ta’ 48 sena mil-Belt intbagħat 30 xahar ħabs wara li ammetta li seraq minn 6 vetturi differenti f’perjodu ta’ ġimgħatejn.
Huwa ġie mixli b’erbatax-il akkuża differenti fosthom serq aggravat u li kien riċediv mill-Ispetturi Gabriel Micallef u Daryl Borg.
L-istanzi ta’ serq seħħew bejn it-23 ta Lulju u l-5 ta’ Awwissu minn karozza pparkati fil-Belt u l-Furjana.
L-Ispettur Borg spjega li l-Pulizija investigat numru kbir ta’ rapporti ta’ serq minn karozzi fil-Belt. Ftit wara l-imputat ġie identifikat minn kameras tas-sigurtá, b’riżultat li l-imputat ġie arrestat wara li nħareġ mandat t’arrest. Fir-residenza ta’ Galea nstabu numru affarijiet li ġew irrappurtati nieqsa.
Filwaqt li nnota l-ammissjoni bikrija tal-imputat u l-fatt li kien qed isegwi programm relatat mal-vizzju tad-droga, il-Maġistrat Kevan Azzopardi sostna wkoll li l-Qorti ma tistax tinjora l-fedina penali tal-imputat u l-opportunitajiet preċedenti li ngħata biex jirriforma ruħu.
B’hekk huwa ntbagħat sentejn u sitt xhur ħabs filwaqt li tpoġġa wkoll fuq ordni ta’ trattament li tkopri l-istess perjodu.