Madwar 30% tal-iskavar għall-mina u r-rampi tal-proġett tal-mina ġdida taħt ir-roundabout tal-Ajruport, diġà tlesta mill-kuntratturi.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern fi żjara tal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg fuq is-sit, li fuqu Infrastruttura Malta qed tħaffer din il-mina b’investiment ta’ tmintax-il miljun ewro.
Dan il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid tar-roundabout tal-Gudja biex jintroduċi mina ġdida lejn Birżebbuġa, flyover għall-mini ta’ Ħal Kirkop u faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar.
Se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport u l-Port Ħieles – żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija.
Fl-aħħar sitt xhur, il-ħaddiema bdew jibnu l-pedamenti għat-toroq ġodda tal-proġett, billi poġġew erba’ mija u għoxrin tunnellata fi blokki prefabbrikati u ħames mija u sittin tunnellata oħra konkos.
Bnew ukoll aktar minn tliet mitt metru ta’ ħitan fil-ġnub u tliet mija u tletin metru ta’ bankini ġodda.
Għoxrin fil-mija tas-sistemi tad-distribuzzjoni tas-servizzi taħt l-art ukoll jinsabu lesti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Frederick Azzopardi spjega kif ix-xogħlijiet ta’ skavar kellhom isiru b’kawtela.
Qal, “Partikolari minħabba l-ammont konsiderevoli ta’ fdalijiet li kien hawnhekk allura kellna mhux nibdew inqattgħu l-blat mill-ewwel imma kellna nikxfu l-blat, nistudjaw umbagħad ovjament minn naħa tal-Heritage jiclearjawna biċċa biċċa. Issa nista’ ngħid li clearjajna s-sit kollu allura l-andamament huwa wieħed miexi tajjeb ħafna.”
Huwa spjega sa meta mistenni jkun lest il-proġett.
Spjega, “Dan huwa proġett li qed naraw li nlestuh f’sentejn. Beda fil-bidu tas-sena u qed naraw li fl-aħħar tas-sena d-dieħla nkunu lesti.”
Il-Ministru Ian Borg irringrazzja lill-pubbliku li qed jifhem il-bżonn ta’ dawn il-proġetti, li sakemm jitlestew iżidu l-pressjoni fit-toroq Maltin.
Qal, “Dan huwa proġett kruċjali għan-nies li jgħixu fin-naħa ta’ isfel tal-pajjiż però huwa wkoll importanti għall-attività ekonomika f’pajjiżna. Qegħdin nintervjenu maġenb mitjar, maġenb airport, ftit passi ’l bogħod mill-Port Ħieles u żona industrijali, jiġifieri minn hawnhekk jgħaddi t-traffiku u volum kbir. “