Aktar minn tletin fil-mija tat-tfal adoloxxenti bejn it-tnax u l-ħmistax-il sena tlaqqmu kompletament kontra l-Covid-19.
Dan skont tagħrif mill-Ministeru għas-Saħħa li ġie ppubblikat fil-gazzetta Maltatoday.
Jirriżulta li ftit aktar minn ħamest elef u tminn mitt tifel u tifla ġew mlaqqma bil-vaċċin tal-Pfizer u l-BioNTech, l-uniku vaċċin approvat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini biex jintuża fuq tilqim għat-tfal.
Sittax-il elf u mitejn ruħ li jgħoddu bejn it-tnax u l-ħmistax-il sena rċievew l-istedina biex jitlaqqmu, bi kważi ħdax-il elf minnhom diġà ħadu minn tal-inqas doża waħda tal-vaċċin.
Fl-aħħar ta’ Ġunju ġenituri ta’ tfal fil-kategorija tal-età msemmija bdew jirċievu l-istedina biex uliedhom jitlaqqmu u ftit tal-jiem ilu sar magħruf li ċ-ċertifikat tal-vaċċin għal dawn it-tfal jista’ jitniżżel permezz ta’ pin code mibgħut mill-awtoritajiet tas-saħħa.