30 soċjetà mużikali differenti bbenefikaw minn total ta’ €160,000 f’għajnuna finanzjarja permezz tal-iskema annwali ‘Ngħinu Finanzjarjament lis-Soċjetajiet tal-Banda’.
L-iskema ssir b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.
Mary Ann Cauchi, id-Direttur tal-Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, aċċennat għall-impenn tal-Kunsill li jkun qrib is-soċjetajiet mużikali Maltin.
Hija spjegat li, permezz ta’ dawn il-fondi, il-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed jirrikonoxxi l-irwol ċentrali tas-soċjetajiet tal-każini tal-banda, bil-kontribut tagħhom fit-trawwim tal-kultura mużikali, fis-salvagwardja u t-tisħiħ tat-tradizzjonijiet kulturali, u fl-organizzazzjoni ta’ sforzi artistiċi fi ħdan il-komunità.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, faħħar l-inizjattiva u tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jippreserva u fl-istess ħin isaħħaħ il-kultura tradizzjonali popolari.
Huwa enfasizza s-sinifikat tal-parteċipazzjoni tal-komunità permezz tal-arti u l-kultura u qal li l-festi lokali jippreżentaw opportunità eċċellenti għall-komunità biex tipparteċipa b’mod attiv fil-forom diversi tal-kreattività.
“Is-soċjetajiet mużikali huma importanti ħafna fit-tessut kulturali ta’ pajjiżna u aħna se nkomplu ngħinu lil dawn is-soċjetajiet. Illum stess qassamna mija u sittin elf ewro fost wieħed u tletin soċjetà mużikali biex dawn ikomplu jagħmlu proġetti sbieħ li minnhom igawdi kulħadd. Aħna determinati li nkomplu nsaħħu l-festi Maltin u nsaħħu dak kollu li jagħmlu soċjetajiet mużikali li tant huwa importanti”
Ministru Owen Bonnici