Illum qed jiġi ċċelebrat it-30 anniversarju minn meta ONE Radio għamel l-ewwel xandira tiegħu. Fil-fatt l-ewwel xandira ta’ ONE Radio saret mill-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun.
F’din l-okkażjoni speċjali qed jixxandar programm speċjali, matul il-ġurnata fuq ONE Radio, bis-sehem ta’ wħud mill-ewwel vuċijiet li nstemgħu fuq dan l-istazzjon, fosthom ta’ Ray Azzopardi u Tony Camilleri.
Filwaqt li matul il-ġurnata l-bullettini u l-aġġornamenti ta’ ONE News se jinqraw ukoll minn eks ġurnalisti li matul is-snin kienu jiffurmaw parti mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ ONE.
Intant, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħa l-okkażjoni biex irringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ dan l-istazzjon, tas-servizz u l-impenn tagħhom.
Huwa sostna li dawn it-30 sena kienu possibbli permezz tal-ħidma ta’ mijiet ta’ persuni, ħafna minnhom volontiera, li ddedikaw ħinhom mhux biss biex jitwassal il-messaġġ politiku imma anke biex jippromwovu diversi aspetti tal-ħajja soċjali f’pajjiżna u t-talent lokali fost oħrajn.