3 ta’ Frar 1995. Għall-ħabta tal-10.15 ta’ bil-lejl instemgħet splużjoni madwar Malta. Tanker Libjan, Um El Faroud, li kien iddaħħal fit-Tarzna ta’ Malta biex isirulu numru ta’ tiswijiet u manutenzjoni, sploda waqt li bolt beda jissaħħan biex jinħall, bil-konsegwenza li miegħu saħan pajp, li kien jagħti għall-fuel.
L-isplużjoni kienet tant qawwija li ħasdet lil pajjiżna fis-satra tal-lejl.
Fl-istess mument, agħar minn hekk, inħasdet il-ħajja ta’ disat irġiel – George Aquilina, Charles Callus, Mario Hales, Simon Pisani, Angelo Sciberras, Anthony Vassallo, Paul Seguna, George Xuereb u Simon Mifsud.
Simon Mifsud kien għad għandu biss 26 sena u, bħala missier, kien għadu kif għammed lil bintu.
Iltqajna ma’ ħu Simon, Lawrence, fejn irrakkonta li dakinhar filgħodu hu flimkien ma’ sħabu donnu kienu jafu li kien se jiġri xi ħaġa u lil ħuh kienu se jarawh għall-aħħar darba.
“Dan konna f’ħanut il-Birgu qegħdin nagħmlu billiard u waqt li qed nilagħbu daħal ħija bil-kelb u kif rajnieh kulħadd jieqaf, għax kulħadd kien iħobbu, u qisna konna nafu li tal-aħħar dan, ġiet okkażjoni nieħdu ritratt miegħu lil dan ħijja, bil-kelb. Filgħaxija erġajt iltqajt miegħu u tlabtu ċavetta biex inbiddel miegħu, għax konna naħdmu flimkien id-Dockyard. Jien kont xogħol ta’ filgħodu u hu kien ta’ filgħaxija, għax kien iħobbu bil-lejl”.
Lawrence Mifsud, ħu wieħed mill-vittmi
Meta staqsejtu x’kien ġara eżattament, Lawrence deher mill-ewwel viżibilment kommoss, bħal donnu reġgħet infetħitlu l-ferita.
“Kif tidħol, għedt din ta’ veru din hawn, balla nar, nies kollox rajt u kif rajtu l-vapur għedt hawn mhux qiegħed ħija, għax ħija kien is-6 Dock”.
Lawrence Mifsud, ħu wieħed mill-vittmi
Kompla jgħid kif, f’daqqa waħda, ix-xena, apparti dik ta’ nirien u nies midruba, imtliet bil-Pulizija u uffiċjali tat-tifi tan-nar.
“Bdew ġejjin Pulizija, fire engines u ltqajt ma’ ħija, bil-fire engine ukoll qed jarma, qalli ħija orrajt? Għedtlu le ħija mhux fuq dan il-vapur qiegħed għedtlu s-6 Dock qiegħed”.
Lawrence Mifsud, ħu wieħed mill-vittmi
Aktar ma beda jgħaddi l-ħin aktar bdiet tiżdiedlu l-kurżità kif jista’ jkun Simon ma kienx ġie biex jagħti l-għajnuna.
Lawrence u ħuh kienu ntalbu mill-uffiċjali li kienu fuq il-post biex jirrikorru fl-Isptar San Luqa, għax Simon kien weġġa’ saqajh u, proprju hawn, li Lawrence, ingħata l-aħbar li sfortunatament ħuh kien ħalla din id-dinja.
“Niltaqa’ mal-Ministru ta’ dak iż-żmien u fetaħ fajl biex jara dan, kif rani għalaqli l-file hu, għedtlu erġa’ iftħu l-fajl, għax rajt isem ħija. Qalli min hu ħuk, għedtlu dak li għandu salib fuqu u xejn u tani l-aħbar li ħija wieħed minnhom li miet”.
Lawrence Mifsud, ħu wieħed mill-vittmi
Viżibilment emozzjonat, Lawrence qalli li t-telfa ta’ ħuh għadu jħossha sal-lum u anke jekk, wara 30 sena, għadu ma jistax iniżżilha.
Skont Lawrence, dakinhar Simon lanqas suppost kellu jkun hemm.
“Dakinhar kien hemm xi ħadd qallu trid inbiddlu, qallu inti tmur it-3 Dock u jien immur is-6 u ħija ħa pjaċir, għax is-6 Dock hu ’l bogħod fejn ibiddlu, allura hemm kien viċin tar-rug tiegħu”.
Lawrence Mifsud, ħu wieħed mill-vittmi
ONE News isellem il-memorja ta’ Simon u dawk kollha li tilfu ħajjithom f’dan l-aċċident sfortunat, waqt li jwassal il-kondoljanzi lill-qrabathom.
Riċentament sar magħruf ukoll li, dak iż-żmien, Gvern Nazzjonalista ma kienx għamel inkjesta pubblika dwar il-każ, bil-konsegwenza li ħafna baqa’ mistur.
Kienet saret biss inkjesta maġisterjali kif tixhed in-natura tat-traġedja, waqt li l-esperti mqabbdin biex jaħdmu fuqha kienu saħansitra fetħu kawża kontra l-Gvern biex jitħallsu tax-xogħol li għamlu.
Il-bastiment traġiku kien eventwalment mgħarraq ’il barra minn Wied iż-Żurrieq fl-1998, wara tliet snin wieqaf fil-baċir tat-Tarzna. Sal-lum għadu jservi bħal attrazzjoni għad-dilettanti tal-għadis.