Ma ffirmaw l-ebda ftehim u tkellmu fuq baħar jiċċaqlaq fil-bidu ta’ Diċembru ta’ tletin sena ilu.
Bejn it-2 u t-3 ta’ Diċembru tal-1989 il-President Amerikan George Bush u s-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev iltaqgħu fuq il-bastiment Sovjetiku Maksim Gorkiy fil-Malta Summit, ftit ‘il barra minn Birżebbuġa.
Bosta jqisu din il-laqgħa bħala waħda li rat it-tmiem tal-gwerra l-bierda, għalkemm bosta jsostnu li l-effetti ta’ din il-gwerra siekta iżda perikoluża għadhom jinħassu sal-lum.
Din il-laqgħa seħħet ġimgħat wara l-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin u bdiet era ġdida ta’ djalogu u paċi bejn iż-żewġ potenzi tad-dinja.
“Nassigura lil President tal-Istati Uniti li m’hu se nibda l-ebda gwerra taħraq kontra l-Amerika”, kien sostna Gorbachev.
Il-President Amerikan dlonk wieġbu, “Nistgħu nirrikonoxxu li ħa ssaltan il-paċi u bdiet hawn, f’Malta.”
B’rabta mat-tletin anniversarju ta’ din il-laqgħa storika saret kommemorazzjoni li fiha tkellem il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela.
Il-Ministru Abela nnota kif l-għażla li ż-żewġ superpotenzi għażlu lil Malta biex jagħmlu din il-laqgħa hija simbolika, minħabba l-pożizzjoni ġeo-strateġika ta’ pajjiżna fil-qalba tal-Mediterran, iżda wkoll minħabba l-politika tan-newtralità ta’ pajjiżna.
Huwa qal kif Malta ilha għexieren ta’ snin bil-vokazzjoni tagħha bħala pajjiż newtrali fit-tfittxija tal-paċi u tal-prosperità permezz tad-djalogu u d-diplomazija.
Il-Ministru Abela qal kif pajjiżna dejjem fittex li jservi bħala bennej tal-pont bejn il-Lvant u l-Punent, it-Tramuntana u n-Nofsinhar.