Sudaniż ta’ 29 sena ntbagħat 30 sena ħabs wara li ammetta li, permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina, qatel Eġizzjan fi Triq Patri Feliċjan, il-Marsa, f’Lulju tas-sena l-oħra.
Ali Mahy Ezzo Saeed ammetta l-ħtija ta’ qtil volontarju fil-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Conseulo Scerri Herrera.
Hu ammetta biex ma jgħaddix ġuri fejn kien qed jirriskja li jintbagħat għomru l-ħabs.
Adri Mohammed, l-Eġizzjan ta’ 25 sena, kien miet fl-Isptar Mater Dei wara li qala’ erba’ daqqiet ta’ sikkina f’sidru, fost l-oħrajn.
Saeed kien ipprova jaħrab, iżda nżamm minn diversi persuni biex b’hekk ġie arrestat mill-Pulizija fi ftit ħin.
Hu kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, fosthom dik ta’ qtil volontarju, li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr liċenzja, li kiser il-paċi pubblika u li wettaq att kriminali meta kien fil-pussess t’arma.
Fil-Qorti ntqal kif il-vittma kien għajjat għall-għajnuna, filwaqt li talab lill-imputat biex jieqaf.
Tim forensiku kien ikkonkluda li dan miet b’attakk tal-qalb, ikkawżata mid-daqqiet li qala’.
Il-mottiv għadu mhux magħruf, minkejja li fil-Qorti ntqal li l-vittma kien qed jixrob qabel ġie attakkat.
L-Imħallef Scerri Herrera ddeskriviet dan il-qtil bħala barbaru.
Hu ngħata wkoll multa ta’ €116.47ċ, filwaqt li l-Qorti ħadet fil-kontroll tagħha l-flus u l-proprjetà li l-imputat jista’ jkollu f’ismu.
Iż-żmien, li diġà qatta’ fil-ħabs sal-lum, se jitnaqqas mis-sentenza ta’ 30 sena.
L-investigazzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Shawn Pawney u Roderick Spiteri, filwaqt li d-Difiża tmexxiet mill-Avukat Jason Grima.