Omm Taljana li qatlet lil binha ta’ tmien snin ingħatat sentenza ta’ tletin sena ħabs.
L-omm, Veronica Panarello, qalet li kien in-nannu tat-tifel li qatel lil binha wara li dan skopra li kien hemm relazzjoni bejnha u bejn in-nannu, li jiġi missier missieru.
Fil-bidu Panarello qalet li t-tifel kien inħataf, u qalet lill-Pulizija li ħaditu l-iskola iżda għeb xħin marret biex tiġbru lura. Madanakollu rriżulta li għallqitu b’cables u xeħtet il-ġisem bla ħajja f’wied abbandunat f’Santa Croce, fi Sqallija.
Il-Pulizija bdiet tissuspetta li omm it-tifel kienet qed tigdeb, meta filmati tas-CCTV ma qablux mal-istorja tagħha.

