Tletin professjonista internazzjonali inkluż ħames Maltin, ingħaqdu f’Malta sabiex temmew b’suċċess l-ewwel kors ta’ taħriġ li sar bejn l-IIJ u l-MEDAC fuq is-Sigurta’ fil-Mediterran u s-Saltna tal-Liġi.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u tal-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela żar lil dawn il-professjonisti li tħarrġu mill-Istitut Internazzjonali tal-Ġustizzja (IIJ) u l-Akkademja Medterranea tal-Istudji Diplomatiċi (MEDAC) f’oqsma bħall-immigrazzjoni fil-Mediterran, is-sigurta’ fil-Mediterran, it-terroriżmu globali u l-bini ta’ komunitajiet reżiljenti.
Il-Ministru feraħ lill-IIJ li għadhom kif għalqu 5 snin ibbażati f’Malta u lil MEDAC li għalqu 30 sena f’Malta u ħarġu iżjed minn 700 diplomatiku li llum qed iservu f’karigi għolja f’pajjiżi rispettivi. Huwa tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti lejn ix-xogħol ta’ dawn iż-żewġ istituti akkademiċi f’Malta.
L-Immigrazzjoni hija fil-quċċata tal-inkwiet taċ-ċittadini Ewropej u għandha tibqa’ prijorita’ fl-aġenda tal-politika Ewropea. Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela waqt l-għeluq ta’ l-ewwel programm ta’ taħriġ li sar bejn l-Istitut Internazzjonali tal-Ġustizzja (IIJ) u l-Akkademja Medterranea tal-Istudji Diplomatiċi (MEDAC) għal professjonisti internazzjonali li indirizzat is-sigurta’ fil-Mediterran u s-Saltna tal-Liġi.
Il-Ministru Abela nnota ż-żieda fin-numru ta’ qasmiet fil-baħar Mediterran u qal li din qed twassal għal żieda fit-traffikar tal-persuni. “Ninsabu inkwietati fuq in-nuqqas ta’ prevedibbiltà li għaddejja bħalissa rigward x’qed isir qabel u wara d-diżembarkazzjoni. Din hija sfida globali li teħtieġ solidarjetà u sforzi u responsabbilta’ maqsuma bejn il-partijiet kollha, sabiex tiġi indirizzata b’mod effettiv” – qal Carmelo Abela.
Il-Ministru Abela tkellem fuq l-isfida tas-sigurta’ fil-Mediterran inkluż is-sitwazzjoni fil-Libja, Sirja u l-Lvant Nofsani. Huwa għamel referenza għal-nuqqas ta’ sorveljanza fil-Mediterran u kif din qed tqawwi ċ-ċrieki ta’ kriminalita’ involuti fit-traffikar tal-persuni u ta’ affarijiet oħra. Semma’ kif bin-nuqqas ta’ sorveljanza tal-Operazzjoni Ewropea Sophia, speċjalment fir-reġjun tan-nofs tal-Mediterran, il-kriminali qed ikabbru l-attivitajiet tagħhom.
Il-Ministru Abela irrimarka l-isfidi globali fil-qasam tat-terroriżmu. Huwa nnota li huwa biss permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ pajjiżi differenti li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tista tiġi miġġielda.