Kien hemm “numru ta’ fatalitajiet” wara li nirien kbar ħakmu blokka kbira ta’ bini f’Londra, b’xhieda fuq il-post jgħidu li għad hemm persuni maqbuda qalb in-nirien, deskritti bħala infern.
In-nirien huma rrappurtati li bdew fis-1:15 ta’ filgħodu fi Grenfell Tower, fejn immedjatament numru ta’ karozzi tat-tifi tan-nar bdew jaslu biex jikkontrollaw in-nirien. Irriżulta iżda li tant huma kbar li għadhom qed jinfirxu b’rata mgħaġġla.
Fuq il-post hemm mal-mitejn membru tal-protezzjoni ċivili u 44 trakk biex jitfu n-nar.
Il-Pulizija qalet li diversi persuni sofrew diversi ġrieħi, bil-biża’ kbira tkun li l-bini jċedi hekk kif għad hemm nies maqbuda fih.
Iktar residenti qed ikomplu jevakwaw il-bini li kien id-dar ewlenija għal mijiet ta’ residenti.