Madwar tletin ruħ f’Malta jbatu mit-talassemija. Marda rari u ġenetika li twassal biex persuna jkollha nuqqas ta’ ċelloli ħomor tad-demm, u li tista’ tkun evitata jekk koppja tagħmel it-testijiet meħtieġa qabel ikollha t-tfal.
Fix-xahar li matulu jitqajjem aktar għarfien dwar il-mard rari, tkellimna mal-konsulent tat-talassemija l-Professur Christian Scerri, f’wieħed mil-laboratorji fl-Università ta’ Malta fejn jiġi ttestjat id-demm għal din il-marda.
“It-talassemija hija kundizzjoni tad-demm aħmar. Hija kundizzjoni ġenetika, ereditarja, jiġifieri l-pazjent jitwieled biha, għax ikollu l-ġenituri jkunu carriers tagħha u li jiġri huwa li jkollok nuqqas ta’ demm aħmar, ta’ ċelloli ħomor, fejn bażikament hija anemija.” Saħaq il-Professur Scerri
It-tfal kollha li jitwieldu f’pajjiżna jiġu ttestjati għal din il-marda.
Barraminhekk, jiġu ttestjati wkoll nisa tqal biex ikunu jafu jekk humhiex carriers.
Il-kura prinċipali għal min għandu t-talassemija tingħata bit-trasfużjonijiet tad-demm.
Kompla jgħid, “Hemm transfusions, dawn ikollhom bżonn, bejn wieħed u ieħor, skont l-età, imma jekk qed nitkellmu fuq adulti għax dan huwa trattament li tieħdu għal għomrok, l-adulti ħafna drabi jieħdu bejn tlieta u erba’ boroż ta’ demm kull erba’ ġimgħat.”
Iżda din il-kura ġġib magħha ċertu riperkussjonijiet.
Sostna, “Waħda mis-side effects tad-demm huwa li jimtlew bil-ħadid. Il-ħadid jibda tiela’ u jagħmel ħsara f’ħafna organi fosthom il-qalb, il-frixa, il-hormones, f’ħafna postijiet, u dak irridu nneħħuh. Biex inneħħuh għandna mediċina li tingħata bil-ħalq illum, fl-antik kienu jagħtu injection ta’ tmien sigħat, illum qed tingħata bħala pinnola, u dan il-ħadid jonqos.”
Il-Professur Scerri appella għal aktar donazzjonijiet tad-demm u biex l-adulti jiċċekkjaw lilhom infushom u jagħmlu t-testijiet.
Temm jgħid, “Ħafna nies għandhom jaħsbu li hawn numru ta’ mard rari f’Malta, erbgħa jew ħamsa komuni, u tajjeb jaħsbu li qabel ma jiżżewġu, qabel ma jkollhom it-tfal, jaraw li ma jkollhomx dan ir-riskju għax jekk ikun hemm riskju li t-tarbija tkun marida b’marda rari, wieħed illum jista’ jagħmel ċertu affarijiet.”
Il-Professur Scerri tenna wkoll l-importanza tar-riċerka fuq mard bħalma hija dik tat-talassemija, u rringrazzja lil dawk kollha li jgħinu finanzjarjament biex ir-riċerka tkun tista’ ssir.