Il-Pulizija arrestat tliet irġiel, tnejn Maltin u Taljan wara qabda kbira ta’ droga fil-Ħamrun.
L-iskwadra ta’ kontra d-droga rnexxielha tikkonfiska tletin kilo droga kannabis u aktar minn tnejn u erbgħin elf ewro fi flus minn kumpless ta’ garaxxijiet fil-Ħamrun.
Kien għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar, meta għadd ta’ vetturi tal-Pulizija mblukkaw Triq San Vinċenz miż-żewġ naħat, waqt li għamlu rejd fuq garaxx fl-istess triq.
F’din l-operazzjoni ġew arrestati tliet irġiel, wieħed minnhom ta’ erba’ u erbgħin sena, magħruf diġà mal-Pulizija, tant li s-sena li għaddiet ġie akkużat li daħħal ammont kbir ta’ droga f’pajjiżna minn fuq il-baħar.
Id-droga nstabet moħbija f’karozza tat-tip Fiat Cubo bi pjanċi barranin u vettura oħra tat-tip BMW li ġew issekwestrati mill-pulizija.
Tul l-operazzjoni, il-Pulizija dehru ħerġin mill-garaxxijiet iġorru żewġt ixkejjer bid-droga kannabis. Iktar tard ħarġu l-flus ippakkjati f’kaxxi.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, il-pulizija kienet ilha ssegwi lill-irġiel mill-qrib għal bosta jiem.
Il-qabda waslet wara ħidma konġunta bejn l-iskwadra ta’ kontra d-droga, ir-Rapid Intervention Unit, id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, u t-Taqsima tal-Klieb.
L-irġiel mistennija jitressqu l-qorti fil-jiem li ġejjin.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa.
(Ritratt ta’ fuq: mill-arkivji)