€150,000 tqassmu bejn tletin soċjeta muzikali f’Malta u Għawdex.
Għat-tieni sena konsekuttiva, fond immexxi mill-Għaqda Każini tal-Banda u l-Kunsill Malti għall-Arti ta fondi lill-kazini tal-banda sabiex isaħħu ix-xogħol li jsir fihom, li għandhom parti importanti fil-komunita maltija.
Il-fondi ingħataw wara proċess ta’ evalwazzjoni. B’Kull Każin tal-Banda seta’ japplika għall-proġett li jiswa ħamest elef ewro jew għaxart elef ewro.
Fost l-oħrajn l-fondi se jintużaw għal xiri ta’ strumenti ġodda, restawr ta’ oġġetti muzikali filwaqt li jsaħħu l-infrastruttura tal-kazin.
Iċ-Ċhairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li b’dawn il-fondi l-Kunsill qiegħed jgħin lill-Kazini tal-banda, li fil-festi tant jattiraw nies lejhom.
Zied li l-Kunsill Malti għall-Arti jfittex li jagħmel kuntatti sodi mal-komunitajiet lokali, il-każini tal-banda u l-organizazzjonijiet volontarji, u jħeġġiġhom jipparteċipaw fil-proċess tal-għoti ta’ fondi għat-twettiq tal-proġetti kulturali tagħhom.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li s-soċjetajiet muzikali għandhom rwol komunitarju importanti li jservu ta’ pont għall-kultura u l-arti. Filwaqt li tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jagħti appoġġ lill-kazini tal-banda.