Sentenza ta’ 30 jum ħabs u multa ta’ elf u ħames mitt ewro inbidlet fi probation għal Maximilian Ciantar wara li f’Lulju tal-2019 instab ħati li nsulta uffiċjal tal-probation fuq Facebook.
Ciantar kien akkużat ukoll li hedded, ta fastidju lil din l-uffijal, għamel użu ħażin minn tagħmir elettroniku u kiser ordni ta’ sentenza sospiża.
Dan il-każ imur lura għall-2016 fejn il-Qorti semgħet li l-uffiċjal tal-probation għamlet rapport għand il-pulizija wara li rat diversi kitbiet b’theddid fuq Facebook. Il-kitbiet saru wara li l-uffiċjal informat lill-pulizija li l-imputat ma kienx qed isegwi il-gwida li tatu hi.
Il-Qorti semgħet li hi ma kinitx ħabiba ma’ Ciantar fuq Facebook iżda saret taf bihom mill-ħbieb tagħha wara li bagħtulha ritratti tal-kitbiet tiegħu.
Fl-ewwel sentenza tagħha, l-Qorti qalet li kliem Ciantar kien offensiv imma mhux ta’ theddid. Ciantar ma nstabx ħati li taha fastidju u lanqas li uża b’intenzjoni ħażina tagħmir elettroniku.
Min-naħa tiegħu, Ciantar appella biex tilliberah minn kull akkuża però l-Qorti ma qablitx.
Minkejja li l-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, qalet li taqbel li nstab ħati qalet li l-piena mogħtija għandha tiġi rriformata. Għaldaqstant, poġġietu taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ tliet snin.