Il-proġett tal-Marsa Junction ġie mżejjen permezz ta’ esebizjoni tal-arti li qed tesebixxi xogħol ta’ sebgħa u għoxrin artist.
Din twaqqfet minn Infrastrucure Malta u l-Iskola tal-Arti tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli u hi komposta minn tletin inkwatru b’xogħol artistiku minn studenti u għalliema tal-istess skola.
Il-gallerija fil-beraħ hija t-tieni waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna u qed tkompli ssebbaħ l-ambjent għal dawk kollha li jagħmlu użu mill-inħawi.
L-ewwel kollezzjoni mistennija li tibqa’ għall-wiri għal ftit xhur bix-xogħlijiet magħżula jesploraw l-elementi primarji tal-arti bħall-kulur, il-forma u l-għamla, filwaqt li jesebixxu temi diversi.
B’hekk l-esebizzjoni ser tkun qed tgħaqqad mal-investiment infrastrutturali ta’ sebgħin miljun ewro tal-proġett tal-Marsa Junction li nkluda fih ukoll xogħol ta’ tisbiħ fejn tħawwlu ftit aktar minn tmintax-il elf siġra, arbuxelli u pjanti.
L-aġenzija Infrastructure Malta ser tkun qed tiffinanzja żewġ wirjiet tal-arti kull sena b’xogħlijiet differenti.