Sbieħ il-jum tal-Ħadd mat-30 grupp tal-iscouts ngħaqdu flimkien biex tellgħu numru ta’ attivitajiet fil-park nazzjonali ta’ Ta Qali u taw ċans lill-pubbliku jipparteċipa f’dawn l-istess attivitajiet mingħajr ħlas.
Din kienet it-tieni edizzjoni li saret fuq livell nazzjonali, f’attività li ssir darba kull 4 snin u ttellgħet bl-għajnuna ta’ skema fi ħdan il-Kunsill tal-Volontarjat.
Sean Bartolo, l-organizzatur tal-attività stqarr,“Fost l-attivitajiet nista’ nsemmi abseiling, ziplining, obstacle courses, pioneering, first aid il-lista hija nfinita. Hawn ammont ta’ attivitajiet mtellgħin minn 30 grupp differenti.”
Il-gruppi tal-iscouts ħadu ħsieb l-organizazzjoni ta’ diversi attivatijiet; bl-iskop ewlieni tagħhom kien li jaħdmu bħala tim.
“Jiena ġejja mill-Cospicua scouts group bnejna il-human table soccer, esperjenza vera sabiħa għax tista’ tingħaqad ma scouts group oħra, tiltaqa’ ma nies ġodda, ħbieb ġodda tkun sabiħa wkoll bħala l-iscouts group nippreżentaw dak li nagħmlu aħna.” Stqarret magħna tfajla fi ħdan l-iscouts.
“Illum like esperjenza unika u sabiħa, sabiħ li tara l-iscouts group kollha fl-istess post.” Qalet, tfajla oħra.
Tfajla oħra qalet, “Bħala Marsa scouts group organizzajna diversi attivitajiet bħal archery, pioneer, abseiling u catapults.”
Għal uħud, din l-avventura kienet ukoll l-ewwel esperjenza.
“Ħassejtni farka nervuż biex ngħid imma wkoll ħassejtni kunfidenti għax din kienet one time experience.”Stqarr magħna ċkejken li kien preżenti.
Ic-Chief Scout, Reuben Lanfranco rringrazzja lill-voluntiera kollha li jagħtu ħinhom għall-ġid taċ-ċkejknin, u appella għal aktar għajnuna.
“Waħda mill-problemi kbar li għandna bħalissa hija fil-leaders. Il-leaders jiġifieri dawk li jmexxu groups qed ikollna problemi għax illum, il-ħajja tal-lum mgħaġġla ħafna. Ħafna nies jgħidulek ma għandhiex ħin. Dan dejjem volontarjat mhuwiex xi job li rridu jħallsu l-membri għalih u nsibuha diffiċli ħafna nżommu leaders fl-organizazzjoni tagħna”. Saħaq Lanfranco.
It-tfal ukoll qalu tagħhom biex mill-esperjenza, iħeġġu n-nies jingħaqdu fl-iscouts.
“Jiena nissuġerilkom li vera tidħlu fil-grupp ta’ l-iscouts għax hija komunita’ fl-istess ħin hija familja vera tieħdu gost. Jiena ilni ħafna fl-iscouts u ma nbiddlu ma xejn l-iscouts.” Ħeġġet tfajla.
“It is a very unique experience I would really suggest it u jiena ilni hawn għal ħames snin and it’s been the best five years of my life.” Saħqet tfajla oħra.
“Huwa esperjenza li mhu ħa ssib mkien iktar tista’ tagħmel ħafna ħbieb u ssir familja ma dawk li jkunu madwarek.” Ikkonkludiet tfajla.