3 żgħażagħ ta’ 14, 16 u 18-il sena, minn Bormla, Ħaż-Żabbar u Birżebbuġa rispettivament, inżammu arrestati, wara li ammettew għall-akkużi ta’ serq ta’ 5 muturi u quadbike, bejn Awwissu u Ottubru.
Huma jinsabu mixlija li serqu żewġ muturi minn Raħal Ġdid. Iż-żgħażagħ ta’ 18 u 14-il sena, huma mixlija wkoll b’serq ta’ żewġ muturi minn Birżebbuġa, filwaqt li ż-żagħżugħ ta’ 18-il sena, Seyble Grech, qed jiffaċċja wkoll akkużi b’rabta ma’ serq ta’ mutur ieħor mill-Imsida u quad bike f’Ħaż-Żabbar.
Isem iż-żewġ akkużati l-oħra, ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti.
Grech se jingħata sentenza nhar il-Ħamis fid-disgħa ta’ filgħodu, filwaqt li ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest min-naħa tiegħu.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fil-każ taż-żewġ minorenni, liema talba ma sabitx l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni ladarba jiġu implimentati kundizzjonijiet stretti.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, laqgħet it-talba, u ordnat li l-minorenni jitpoġġew taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja, sakemm tinqata’ s-sentenza mill-Qorti u imponiet diversi kundizzjonijiet.
Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 kull wieħed u garanzija personali ta’ €5,000 kull wieħed.