Tlett itrabi ċkejknin li twieldu qabel iż-żmien, ingħataw tama ġdida, wara li fil-bidu tal-ġimgħa sarilhom b’suċċess intervent imsejjaħ PDA Ligation, li sar għall-ewwel darba f’pajjiżna.
Dawn it-trabi twieldu b’pajp żejjed li jikkawża d-demm jibqa’ sejjer fil-pulmun, bil-konsegwenza li l-qalb tgħejja malajr.
Biex dan il-pajp jingħalaq, u d-demm ma jibqax imur fil-pulmun, ikun hemm bżonn li jsir dan l-intervent, u sal-ġimgħa l-oħra kien isir biss barra minn Malta; b’detriment għaċ-ċkejknin li jgħaddu minn skariġġ kbir minħabba l-vjaġġ bl-ajruplan.
“Qabel lil dat-trabi konna nibgħatuhom kollha dat-trabi Londra b’air ambulance biex issir dil-operazzjoni. Mhix operazzjoni kbira imma ma jkollokx bżonn tagħmilha ta’ spiss allura ma kellna ħadd mis-surgeons tagħna li huwa trained biex jagħmilha.”
Il-Konsulent Pedjatriku tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, il-Professur Victor Grech, spjega li fl-aħħar ġimgħat intlaħaq qbil ma’ kirurgu mill-isptar Great Ormond Street f’Londra – wieħed fost l-aqwa fid-dinja għall-kura pedjatrika, biex jiġi Malta u jagħmel dan l-intervent ta’ madwar nofs siegħa fuq kull tarbija.
“Jiftaħ farrett żgħir mill-ġenb tas-sider, isib dan il-pajp, jidentifikah sew, ikun ċert li hu dan il-pajp, u kemm jagħmel żewġ qafliet għoqiedi madwaru jiġifieri bħala intervent mhux kbir ħafna imma qed nitkellmu fuq babies żgħar wieħed minnhom filfatt ħafna taħt il-kilo.”
Filfatt, it-tewmin tifla u tifel li twieldu aktar minn xahrejn qabel iż-żmien, kienu jiżnu seba’ mija u ħamsin gramma, u disa’ mija u ħamsin gramma, rispettivament.
It-tifel l-ieħor – li twieled aktar minn tliet xhur qabel iż-żmien – kien jiżen biss tmien mitt gramma.
“Qatt ma armajna operating theatre sħiħ ġol-NPICU, trid mejda żgħira biex topera baby, trid l-anaesthatic machine, kienu nvoluti t-theatre, ġew l-iscrub nurses, l-ammont ta’ nies li nqalgħu kien kbir, din kienet xi ħaġa ġdida għalkollox.”
Biex issa li dan l-intervent sar b’suċċess, dawn it-tliet ċkejknin qabdu t-triq għall-fejqan.
“Xorta baqalhom ġimgħat jekk mhux xhur biex ikunu tajbin biex imorru d-dar għax minbarra dil-problema, il-pulmun mhux matur biżżejjed biex jieħdu n-nifs waħedhom jiġifieri għadhom ġo sitwazzjoni ta’ intensive care, u huma żgħar ħafna, irid ikollhom biżżejjed piż biex imorru d-dar imma jekk Alla jrid jirranġaw bilmod.”