Il-Ħamis filgħaxija, tliet timijiet tal-futbol lokali naqqxu isimhom fl-istorja. Dan hekk kif il-Hibernians FC, il-Ħamrun Spartans, u l-Gżira United għaddew għat-tielet rawnd tal-UEFA Europa Conference League.
Din hija l-ewwel darba li tliet timijiet Maltin għaddew f’daqqa għal dan ir-rawnd.
Il-Hibernians temmew il-logħba tagħhom fl-Estonja f’parità ta’ wieħed b’wieħed filwaqt li l-Gżira rebħu fis-Serbja wara għoti tal-penalties.
F’Malta, fil-grawnd Ċentinarju f’Ta’ Qali, il-Ħamrun Spartans rebħu fuq tim mill-Bożnija-Ħerzegovina bi skor ta’ wieħed b’xejn.
Tkellimna mal-Manaiġer tat-tim tal-Hibernians FC, Jesmond Abela, li qal li din hija t-tieni sena konsekuttiva li t-tim tal-Hibs ikkwalifika għat-tielet rawnd ta’ dan il-League.
Qal, “Ilbieraħ kienet ġurnata storika għall-klabb tagħna. Fl-opinjoni tiegħi konna tajjeb ħafna waqt il-logħba. Naħseb li kien ħaqqna wkoll immorru fil-vantaġġ, però l-plejers żammew sod, skorjajna gowl. Sfortunatament, qlajna l-gowl mill-ewwel. Naħseb, kollox ma’ kollox, kienet kwalifikazzjoni meritata.”
Sharlon Pace, li huwa l-President tal-Gżira United, stqarr li huwa evidenti, mit-tliet logħbiet li ntlagħbu, li sar progress tant li it-timijiet Maltin mhux biss qed ikollhom logħob interessanti imma saħansitra qegħdin jirbħu.
Stqarr, “Xi ħaġa oħra fl-istorja tal-klabb, li rbaħna tim rinomat bħal Radnicki Nis. Apparti finanzjarjament, għax il-klabb tgħinnu finanzjarjament, naħseb li huwa boost, boost għall-plejers, boost għat-technical staff, boost għalina li s-sagrifiċċji li qed isiru qed juru l-frott tagħhom fil-logħbiet u l-kompetizzjonijiet Ewropej.”
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-klabb tal-Ħamrun Spartans, Marcel Bonnici, ikkummenta li din ir-rebħa hija xhieda oħra tal-logħob tajjeb li kapaċi jagħti dan il-klabb tal-futbol.
Qal, “Li tgħaddi għat-tielet rawnd ikun ifisser prestiġju għall-klabb, bħalma hu unur ukoll għall-futbol Malti l-fatt li għaddew magħna l-Gżira u l-Hibernians. Dak jgħolli anki l-immaġini tal-futbol Malti f’għajnejn il-pubbliku Malti.”
Dan l-istazzjon tkellem ukoll mal-ġurnalist sportiv Clinton Buhagiar, li fisser is-sinifikat ta’ dan il-jum storiku għal dawn il-klabbs fix-xena tal-futbol f’pajjiżna.
Stqarr, “Dawn it-tliet timijiet ramaw skwadra b’saħħitha biżżejjed li mhux biss irnexxielhom, grazzi għas-sapport amministrattiv li għandhom mill-klabb tagħhom rispettiv, li mhux biss jgħaddu għat-tielet rawnd ta’ din il-kompetizzjoni, però nemmen li anki għall-istaġun li ġej se jkunu forza u forza importanti fil-Kampjonat Premier Malti.”