Raġel ta’ 41 sena minn Ħal Tarxien, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ingħata sentenza ta’ tliet snin u nofs priġunerija wara li nstab ħati li hedded lill-eks sieħba tiegħu.
“Se tispiċċa bħal Bernice” kienet waħda mill-frażijiet ta’ theddid li ntużat, b’referenza Bernice Cassar li nqatlet f’Novembru tas-sena l-oħra.
Ir-raġel ġie akkużat bi vjolenza psikoloġika f’każijiet bejn l-aħħar ta’ Novembru 2022 u l-Marzu ta’ din is-sena, meta l-vittma għamlet rapport lill-Pulizija.
Intqal li l-aggressur u l-vittma, kellhom tlett itfal fir-relazzjoni ta’ ħmistax-il sena li ntemmet ħames snin qabel. Intqal ukoll li l-aggressur kien jitlobha l-flus għad-droga u meta ma ttihx kien jheddida anki li jieħdilha t-tfal u b’hekk kienet ittih bejn sittin u mija għoxrin ewro kuljum.
Dan wassal biex il-vittma kienet tiddejjen u saħansitra ġieli ma kellhiex flus biex tpoġġi l-ikel fuq il-mejda.
Fil-Qorti ġew preżentati tliet telefonati, li kkonfermaw it-theddid.
Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, ikkundannat lir-raġel priġunerija effettiva wara li, fost l-oħrajn, ikkunsidrat kif hu ġie kkundannat erbatax-il darba, f’każijiet separati.
Intant, il-Maġistrat ħarġet ukol ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-vittma.
L-Ispetturi Omar Zammit u Sherona Buhagiar mexxew il-Prosekuzzjoni.